Lokali

Lejn il-kanonizzazzjoni ta’ Henry u Inez Casolani

It-Tnejn filgħodu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu laqgħa mal-promoturi tal-kawża tal-kanonizzazzjoni ta’ Henry u Inez Casolani; Stephanie u Anthony Quintano flimkien ma’ Suor Cecilia, li tiġi t-tifla tal-koppja Casolani.

Ritratt: Martin Agius

Waqt din il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech faħħar id-dedikazzjoni u d-determinazzjoni tagħhom fil-proċess li jista’ jwassal biex l-ewwel koppja Maltija tkun iddikjarati qaddisa.

Matul din il-laqgħa, Stephanie u Anthony Quintano rrakkuntaw il-proċess ta’ kif proprju waslu s’hawn; koppja deskritta bħala umli u li dejjem kienet tara kif se tgħin lil dawk li kienu fil-bżonn.

Huma rrakkuntaw dwar meta Henry tilef lil oħtu u li tant kien ħadha bi kbira li beda jbati mid-dijabete. Infatti fi żmien qasir huwa beda jitlef id-dawl t’għajnejh tant li kien isibha ferm diffiċli biex jaqra. Imbagħad wara li kien għamel wegħda lil Adeodata Pisani u wara tliet snin ibati minn nuqqas ta’ dawl f’għajnejh huwa beda jara.

Meta Stephanie bdiet tagħmel ir-riċerka dwar kif Henry reġa’ beda jara, it-tobba kienu qalu li kien intervent mirakoluż. U r-riċerka kompliet minn hemm fejn matul is-snin bdew ħerġin il-virtujiet ta’ din il-koppja.

Għaldaqstant, fl-aħħar xhur ingħalqet l-Inkjesta Djoċesana bid-dokumenti kollha miġbura issa jinsabu Ruma sabiex ikompli l-proċess.

Iż-żewġ Maltin ilhom mill-2015 għaddejin minn dan il-proċess b’esperti kkonfermaw li jkun jeħtieġ żewġ mirakli biex huma jsiru qaddisin; l-ewwel biex ikunu dikjarati Beati, imbagħad biex jiġu kanonizzati.

Jekk dan il-proċess jitlesta b’suċċess, Inez u Henry Casolani jkunu l-ewwel koppja minn pajjiżna li jkunu għaddew flimkien għall-kanonizzazzjoni.

Il-każ ta’ Henry u Inez Casolani huwa ferm rari tant li m’hawnx aktar minn 15-il koppja fid-dinja li għaddew minn dan il-proċess.