Opinjoni

OPINJONI: Investimenti ġodda

Fi tmiem il-ġimgħa l-oħra tellgħet konferenza nazzjonali organizzata mill-Ewroparlamentari Peter Agius dwar l-importanza ta’ konnettività marittima effiċjenti bejn Malta u Għawdex

minn Bernard Grech

Kap tal-Partit Nazzjonalista

Nikkonferma l-impenn sħiħ tal-Partit Nazzjonalista biex intejbu l-konnettività bejn Għawdex u Malta. Għawdex jixraqlu aħjar, u jeħtieġ li nitolbu dak li hu tagħna bi dritt.

Għal wisq żmien, rajna kif l-infrastruttura tat-trasport tagħna ġiet immaniġġjata ħażin. Il-mod kif dan il-Gvern mexxa s-servizz tal-Gozo Channel jitkellem waħdu. Il-vapur MV Nikolaus, li kien mikri bħala soluzzjoni temporanja fl-2019, għadu għaddej minħabba l-falliment tal-Gvern biex isib sostitut xieraq. Dan huwa inaċċettabbli u juri n-nuqqas ta’ viżjoni u ppjanar għal Għawdex.

Il-Gvern Laburista żied il-popolazzjoni ta’ Malta b’mod sinifikanti mingħajr ebda pjan fit-tul. Id-domanda għas-servizzi żdiedet, iżda l-infrastruttura tat-trasport baqgħet lura, u Għawdex qed ibati b’konnettività inadegwata. Dan in-nuqqas ta’ ppjanar qed ipoġġi piż żejjed fuq ir-residenti, in-negozji u l-commuters Għawdxin.

Barra minn hekk, minkejja li l-Gvern wiegħed li jagħmel lil Għawdex climate-neutral, ma sar xejn biex jinvesti f’konnettività sostenibbli. Biex verament nieħdu l-klima bis-serjetà, jeħtieġ li nieħdu azzjoni konkreta. Il-Gvern naqas milli jagħmel dan, u dan qed iħalli impatt dirett fuq Għawdex.

Gvern immexxi mill-PN jagħti prijorità lill-konnettività sostenibbli, billi jintegra soluzzjonijiet innovattivi

Ma nistgħux nitkellmu fuq konnettività sostenibbli mingħajr ma nitkellmu fuq l-enerġija. Jeħtieġ ukoll li ninnutaw li Malta hija l-agħar fl-Ewropa meta niġu għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija minn sorsi alternattivi. Dan il-Gvern naqas milli jinvesti fl-enerġija nadifa u fl-infrastruttura meħtieġa biex nagħmlu tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli.

Għalhekk, l-investiment f’trasport sostenibbli, bħalma huma vapuri u portijiet moderni li jaħdmu bl-enerġija li tiġġedded, għandu jkun prijorità nazzjonali. Jekk verament irridu li Għawdex isir newtrali mill-klima, irridu naġixxu issa u nieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin.

In-negozji, il-bdiewa u l-fornituri jiddependu fuq trasport affidabbli biex iżommu l-operat tagħhom. Gvern ġdid immexxi mill-PN se jiżgura li Għawdex ikollu servizz ta’ merkanzija ddedikat li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-ekonomija tagħna u jiżgura trasport effiċjenti ta’ prodotti bejn iż-żewġ gżejjer.

Iżda rridu naħsbu lil hinn milli żżid biss vapuri. Jeħtieġ li nkabbru l-Port tal-Imġarr biex jakkomoda dawn il-vapuri ġodda flimkien mas-servizzi tal-Fast Ferry. Kif jgħiduli l-Għawdxin “Il-bżonn tat-trasport marittimu mhuwiex lussu – hija neċessità għal Għawdex.”

Għandna bżonn pjan ċar biex il-flotta attwali, li ilha tintuża għal aktar minn 25 sena, tiġi sostitwita b’mod gradwali b’soluzzjonijiet moderni u effiċjenti.

Din mhix biss kwistjoni ta’ infrastruttura; dan jikkonċerna wkoll l-ekonomija tagħna, l-impjiegi tagħna, u l-kwalità tal-ħajja tagħna. In-negozji f’Għawdex għandhom bżonn konnettività tajba biex iżommu l-impjiegi u jkomplu jikbru.

Mingħajr netwerk tat-trasport affidabbli, l-investiment f’Għawdex jonqos u l-opportunitajiet tax-xogħol jonqsu wkoll. Għalhekk, fil-ġimgħat li għaddew u b’mod partikolari qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju 2024, il-PN irriafferma l-impenn tiegħu biex jiżgura aktar fondi Ewropej għal Għawdex. Se nimbuttaw għal aktar investiment fi proġetti ta’ konnettività, biex nassiguraw li Għawdex jirċievi s-sehem ġust tiegħu mill-fondi tal-UE.

Aħna mhux biss nagħmlu l-wegħdi. Il-PN qed jaġixxi b’fatti. Fi ftit xhur minn meta ġie elett, Peter Agius ippubblika rapport dettaljat dwar il-finanzjament Ewropew għal vapuri moderni u sostenibbli. Hawnhekk irrid nirringrazzja lil Peter Agius talli għamel fi ftit xhur dak li l-Gvern Laburista kellu jagħmel snin ilu.

Din l-inizjattiva tikkonferma li l-PN qed jaħdem konkretament biex jiddiriegi lill-Gvern biex jieħu deċiżjonijiet tajbin fuq il-konnettività. Għal 12-il sena, smajna paroli vojta, imma dan mhux biżżejjed. Issa wasal iż-żmien għall-azzjoni.

It-teknoloġija teżisti, il-fondi Ewropej huma disponibbli, u l-leġiżlazzjoni tal-UE qed timbotta f’din id-direzzjoni. Kulma hemm bżonn hu gvern li juża l-fondi Ewropej b’mod effiċjenti u r-rieda politika biex dawn il-proġetti jsiru realtà. Sfortunatament, dan il-Gvern donnu m’għandux la l-kapaċità u lanqas ir-rieda biex jaġixxi. Il-PN se jagħmel dan realtà.

Għawdex aktar b’saħħtu u b’konnettività aħjar mhuwiex ħolma – imma neċessità, u bl-appoġġ tagħkom, se nagħmluh realtà.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fl-azzjoni, mhux fl-iskużi. Għalhekk, inwiegħed l-impenn tiegħi li Gvern immexxi mill-PN:

  • Iżid il-flotta tal-Gozo Channel għal ħames vapuri.
  • Jintroduċi vapuri ġodda li jġorru aktar karozzi u passiġġieri biex inaqqsu l-ħin ta’ stennija.
  • Jiżgura li l-vapuri jagħmlu l-qasma f’inqas ħin, għax il-ħin ifisser flus.
  • Jestendi u jsaħħaħ is-servizz tal-Fast Ferry.
  • Jinvesti f’faċilitajiet ġodda fil-portijiet biex itejjeb il-ħidma u l-esperjenza tal-passiġġieri.

Barra minn hekk, jeħtieġ li nerġgħu ndaħħlu s-servizz tal-merkanzija li dan il-Gvern waqqaf.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 23  ta’ Marzu, 2025.