minn David Casa
Ewroparlamentari Nazzjonalista
F’dawn l-aħħar snin, bħala membru tal-Parlament Ewropew, minflok għażilt li nkun passiv u nsaħħan is-siġġu misluf lili mill-elettorat Malti u Għawdxi, għażilt li nkun minn ta’ quddiem biex niġġieled favur id-drittijiet li jagħtu libertà lill-midja u l-ġurnalisti kollha fl-Unjoni Ewropea.
L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien il-kulminu li wassalni biex naħdem b’ħilti kollha biex nissalvagwardja dawn id-drittijiet.
Kif tkellimt kemm-il darba fil-fora Ewropej, dak li ġara lil Caruana Galizia ma kienx attakk fuq il-ġurnaliżmu investigattiv f’Malta, iżda attakk bla preċident fuq il-ġurnaliżmu li jistħarreġ l-aħbar, il-veritá mistura u l-ħażen li permezz tiegħu ħaddieħor qed jistagħna biex iħaxxen butu.
Gvern li mhux kapaċi jipproteġi s-sewwa
L-Ewropa li nemmen fiha jien hi dik li tipproteġi s-sewwa, u li kulħadd ikun f’bilanċ. Ebda ċittadin Ewropew, ġej min kwalunkwe pajjiż, m’għandux iħossu superjuri għal ħaddieħor u jħossu li jista’ jagħmel li jrid mingħajr konsegwenzi.
Għaddew 89 xahar minn meta qatlu lil Daphne, u minkejja li jien u oħrajn bħali m’għadditx ġurnata waħda li ma ħdimniex biex naslu sabiex issir ġustizzja, it-tmexxija ta’ pajjiżna għadha taqdi l-istess impunità kaġun tal-qtil tagħha. Għalhekk m’aħniex se nieqfu niġġieldu għall-ġustizzja.
F’intervent riċenti li għamilt fil-Parlament Ewropew, mill-ġdid kelli l-opportunità li nerġa’ npoġġi dan is-suġġett fuq l-aġenda u fil-lista tal-prijoritajiet li l-Ewropa għandha tkompli taħdem bla waqfien biex dak li mhux qed jagħmel il-Gvern ta’ Robert Abela, ċioè jiġġieled il-kriminalità, jagħmlu l-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet Ewropej.
Kien għalhekk li fid-diskors tiegħi, sellimt il-memorja tal-ġurnalist investigattiv Slovakk, Jan Kuciak u tat-tfajla tiegħu, Martina Kusnirova. Simili għal Caruana Galizia, Kuciak kellu jħallas b’ħajtu sempliċiment għaliex kien qed jagħmel xogħlu, fl-interess tal-poplu Slovakk, meta dan kien qed jeżamina l-allegati rabtiet bejn politiċi u negozjanti Slovakki mal-Mafja Taljana tal-‘Ndrangetha.
L-investigazzjonijiet tiegħu kienu kkonċentraw, f’parti, fuq irregolaritajiet fis-sussidji tal-biedja tal-Unjoni Ewropea.
Ħadd m’għandu jkun maqtul brutalment, bħalma ġralhom Caruana Galizia u Kuciak, għaliex bi dritt qed jistħarġu l-verità u possibbilment jikxfu l-korruzzjoni bla limitu ta’ min għandu jkun ta’ eżempju għal dik li hi l-korrettezza politika.
Malta hi l-akbar eżempju għal dan, u kien għalhekk li fil-PE spjegajt il-mod maħsub li qed jaħdem bih il-Partit Laburista fil-Gvern, li sabiex jostor il-verità u jiddefendi l-korruzzjoni u lil min kien wara l-qtil ta’ Caruana Galizia.
Gvern li ma tgħallem xejn
Spjegajt kif wara kważi disgħin xahar mill-qtil tal-ġurnalista investigattiva f’Malta, il-PL ma tgħallem xejn u mhu qed jagħmel xejn biex jinbidel sabiex juri li vera jrid jiġġieled il-kriminalità organizzata. Anzi llum nasal biex ngħid li l-PL kienu u għadu parti mill-kriminalità organizzata f’pajjiżna, u li qed twassal biex is-sigurtà nazzjonali f’Malta, f’ħafna aspetti, titmermer.
Malta u l-Ewropa għandha bżonn ġurnalisti bħalma kienu Caruana Galizia u s-Slovakk Kuciak, għalhekk għadna naraw kif nipproteġu b’kull mod possibbli l-ħidma ta’ kull ġurnalist investigattiv u li f’xogħolhom kontinwament iħabbtu wiċċhom ma’ riskji kbar, inkluż dawk fatali.
Però rridu ngħidu kollox f’dan ir-rigward, u bl-istess mod li jien kont, għadni u nibqa’ nixħet il-ħtija għan-nuqqas ta’ azzjoni lill-Gvern Laburista, il-qtil ta’ ġurnalist juri falliment fis-sistema tal-ġustizzja – falliment li l-Kummissjoni Ewropea ma tistax tibqa’ tinjora. Il-Kummissjoni Ewropea għandha terfa’ r-responsabiltà għal dak li ġara u għadu qed jiġri, wisq aktar jekk se tibqa’ passiva.
F’seduta li saret ix-xahar li għadda fil-Parlament Ewropew, kont ċar fi kliemi, u għidt li l-Kummissjoni Ewropea għandha tifhem li meta hemm min jemmen li jista’ joqtol ġurnalist b’impunità, tfisser li l-kriminali jafdaw f’sistema korrotta li tiggarantixxi l-impunità tagħhom.
Ovvjament din hija sistema maħkuma, li fil-każ ta’ Malta, din hija ċara ħafna. Din is-sistema għadha mhix qed tiġi indirizzata u l-elettorat tagħna qiegħed jistenna azzjoni mill-Kummissjoni biex tinforza l-obbligi tal-Istati Membri skont it-trattati.
Sfortunatament, issa spiċċajna f’sitwazzjoni li min jgħid il-verità qiegħed jitħalla waħdu, mhux biss mingħajr il-protezzjoni tal-istat, imma saħansitra bil-makkinarju tal-gvern kontrihom. Hekk sew? Din hi d-demokrazija li tant jiftaħar biha Robert Abela?
Gvern falz
Meta għandek ċirkostanza, f’pajjiż li għandek Gvern falz li jipprietka l-korrettezza politika, iżda mbagħad fil-verità, Robert Abela qed ixekkel l-aċċess għall-ġustizzja u jikkonsolida l-kontroll tal-Gvern fuq investigazzjonijiet kontra l-korruzzjoni, allura tabilħaqq għandna pajjiż li falla fil-ġustizzja u fid-demokrazija. L-akbar konferma ta’ dan hi meta tara li Yorgen Fenech ingħata l-libertà proviżorja.
Is-saltna tad-dritt hija fundamentali, u wasal iż-żmien li tibda tingħata l-prijorità meħtieġa bl-għodda kollha li għandha l-Kummissjoni Ewropea.
Dan il-kliem mhux qed ngħidu llum għall-ewwel darba, iżda sa mill-ewwel ġurnata kont konsistenti u persistenti biex tittieħed azzjoni. Għalhekk mhux se noqgħod kwiet qabel ma nara r-riżultat mixtieq.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 23 ta’ Marzu, 2025.
//= $special ?>