Opinjoni

OPINJONI: Mitt sena mill-qniepen fil-Mellieħa

minn Christopher Bartolo
Is-Sagristan
Knisja Arċipretali Mellieħa

L-istorja tal-eżistenza ta’ dawn il-qniepen tibda fis-sena 1925, meta l-komunità Melliħija ta’ dak iż-żmien, flimkien mal-kappillan Dun Karlu Cortis, ħasbu u ħadmu fuq li ħadmu biex il-knisja jkollha sett qniepen fil-kampnari tagħha.
Wara li nġabru l-fondi meħtieġa ġie ordnat is-sett qniepen li naraw illum mingħand id-ditta Taljana Barigozzi li kienu ferm rinomati għall-manifattura tal-qniepen. Il-fondi kollha għal din l-opra kbira nġabru mill-komunità Melliħija.
Meta dan is-sett tal-qniepen tlesta mid-ditta Taljana, dawn intbagħtu Malta. Meta waslu Malta, il-qniepen ġew trasportati mix-Xatt tal-Belt lejn il-Mellieħa fuq karru fejn tpoġġew fis-sagristija tal-knisja kif jixhed ritratt li hemm għall-wiri fis-sagristija stess li juri grupp ta’ rġiel ferħanin ġejjin bil-qniepen. Din kienet ġrajja sinifikanti, sabiħa ħafna u ta’ ferħ għall-komunità kollha tal-Mellieħa.
Nhar il-25 ta’ Marzu 2025 kien il-jum meta kellhom jitbierku l-ħames qniepen ġodda li kellhom iżejnu l-kampnari tal-knisja sabiħa tagħna. Fil-ġranet ta’ qabel kien ġie armat armar apposta fuq iz-zuntier tal-knisja bil-friegħi tal-palm u żebbuġ fejn kellhom jiġu mdendla l-qniepen.
Dakinhar, il-komunità Melliħija, flimkien mal-kappillan u l-kleru laqgħu bi ħġarhom lill-Isqof Mons Mauro Caruana sabiex b’solennità kbira jbierek il-qniepen li tant xtaqu missirijietna.
Għal din l-okkażjoni, niftakar lil missieri Lippu – li dak iż-żmien kien ġuvnott ta’ ħmistax il-sena u li kien preżenti għall-okkażjoni – jgħidli li l-pjazza u Triq il-Parroċċa kienu ppakkjati bin-nies. Missieri jkompli jgħidli li meta sar it-tberik, indaqqu ftit tokki bil-qanpiena l-kbira u dak il-ħin il-folla nfexxet f’ċapċipa kbira fost il-ferħ ta’ dawk kollha preżenti.

Jum storiku
Qalli wkoll li n-nies kollha bdew jgħidu kemm kienet sabiħa u anke ħafna rġiel neħħew il-brieret bħala sinjal ta’ rispett u biex isellmu lill-qniepen ġodda li kienu għadhom kemm tbierku mill-Isqof. Fl-istess waqt il-folla nfexxet tgħid talb ta’ ringrazzjament lil Alla ta’ dan il-proġett li issa kien sar realtà.
Mill-ewwel jiem li bdew isemmgħulna leħinhom sal-ġurnata tal-lum għaddew mitt sena u f’dawn is-snin kollha dejjem sibnihom iferrħuna fi ġranet ta’ ferħ kif ukoll iwensuna fi ġranet ta’ niket u dieqa fit-telfa ta’ xi ħadd għażiż għalina.
Fl-2025 il-qniepen għadna nisimgħuhom. Però, il-qniepen weħedhom ma jindaqqux – hemm bżonn in-nies li jdoqquhom. F’dan iċ-ċentinarju hija ħaġa xierqa u ġusta li, l-ewwel nett u qabel kollox, nuri l-apprezzament tiegħi lejn ħafna nies mill-komunità tagħna, fosthom is-sagristani ta’ qabli li, bħali, kellhom ir-responsabbiltà tad-daqq tal-qniepen.
Dawn kienu Indri Debono, Carmelo Gauci, Angelo Cutajar u l-għażiż missieri Lippu Bartolo li, minn meta ġie maħtur sagristan fl-1 ta’ Diċembru 1970 sal-ġurnata tal-lum, dejjem jien ħadt ħsieb il-Grupp tal-Qniepen.
Il-qniepen tal-knisja tagħna dejjem indaqqu minn irġiel, nisa u żgħażagħ Melliħin b’mod volontarju. Ħaġa li lili tagħmilli kuraġġ hija li, minkejja l-ħajja mgħaġġla u impenjattiva tal-lum, xorta għadni nsib nies iddedikati li joffru ħafna ħin sabiex f’kull festa jitilgħu iktar minn mitt tarġa ħalli jaslu fil-kampnari biex malli jsir il-ħin idoqqu l-qniepen sbieħ li l-poplu Mellieħi tant japprezza.
Nixtieq nagħmel ringrazzjament speċjali lill-komunità Melliħija kollha talli dejjem tapprezza l-ħidma li ssir biex jindaqqew il-qniepen tagħna. Inħeġġeġ lil żgħażagħ u persuni oħra sabiex jiġu u jingħaqdu mal-grupp preżenti sabiex fil-futur nibqgħu nsibu nies li jiddedikaw ftit ħin sabiex nibqgħu nisimgħu d-daqq ħlejju tal-qniepen sbieħ tagħna.
Bħala parti mill-attivitajiet li se jsiru biex jitfakkar dan il-mitt anniversarju, ilbieraħ filgħaxija kienet iċċelebrata quddiesa fil-Knisja Arċipretali bil-partiċipazzjoni tal-kori kollha tal-Parroċċa.
Barra minn hekk illum se ssir ‘open day’ biex kull min ikun jixtieq jara l-qniepen ikun jista’ jitla’ fil-kampnari u josservahom iktar mill-viċin.
Matul il-garigor li jwasslek għall-kampnari wieħed se jkun jista’ jsegwi wirja sabiħa ta’ pitturi ta’ diversi artisti. Kulħadd huwa mistieden biex jattendi.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 23  ta’ Marzu, 2025.