Lokali Qorti

Ordnati jirrifondu €158,000 li bihom kellhom jirranġaw Mercedes għal mużew Ġermaniż

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Mark Simiana ordnat żewġ persuni biex jirrifondu ftit aktar minn €158,000 lil koppja li tathom il-flus biex jirrestawraw Mercedes antika bil-ħsieb li jbigħuha lill-mużew tal-kumpanija Ġermaniża li timmanifattura l-karozzi u jaqsmu l-flus.

Il-koppja Armando u Anna Chircop fetħu l-kawża kontra Sheyzell Caruana u Claudette Caruana. Il-koppja qalet lill-Qorti li Sheyzell u Claudette Caruana qalulhom li kellhom Mercedes Benz 380 imma ma kellhomx flus biex jirranġawha.

Żiedet li l-koppja Caruana qaltilhom li kienu f’kuntatt mal-kumpanija Mercedes Benz tal-Ġermanja biex il-kumpanija tixtri l-karozza għall-mużew. Il-koppja Chircop kompliet tgħid li għadditilhom €173,000 imma minn dan kollu ma sar xejn u rrealizzaw li ġew imqarrqa u ffrodati.

Qalet ukoll li Sheyzell Caruana għaddilhom pagamanet ta’ €15,000 biex hekk baqalhom jieħdu €158,000. Sheyzell u Claudette Caruana kienu msejħin biex jidhru quddiem l-Imħallef Mark Simiana biex iwieġbu għal dak li allegat il-koppja.

Huma naqsu li jagħmlu dan u l-Imħallef Simiana ddikjarahom bħala debituri tal-koppja Chircop. Kien għalhekk li ordnalhom jirrifondu lill-koppja l-€158,000 li baqgħalhom jagħtuhom, inkella jbatu l-konsegwenzi.