Lokali

Robert Abela u Clyde Caruana jiksru rekord ieħor ta’ dejn għal Malta – PN

Id-dejn fl-aħħar ta’ Frar 2025 qabeż sew l-€10.9 biljuni; għal dan id-dejn il-Gvern m’għandu xejn x’juri; din is-sitwazzjoni ma tgħin xejn biex tattira investituri ġodda

Filwaqt li ma ħarġu bl-ebda soluzzjoni għall-akbar problemi ta’ Malta u Għawdex, fosthom il-qerda ambjentali, it-traffiku, l-għoli tal-ħajja u l-problemi infrastrutturali, fl-edukazzjoni u s-saħħa, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana rnexxielhom ikomplu jiksru r-rekord tal-akbar ammont ta’ dejn li pajjiżna qatt kellu fl-istorja tiegħu.

Il-konferma ġiet mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika hekk kif ċifri li ġew ippubblikati fl-aħħar jiem juru kif id-dejn tal-pajjiż qabeż l-€10.9 biljun. Il-Prim Ministru Robert Abela huwa responsabbli għal nofs dan id-dejn kollu, bi ftit li xejn għandu x’juri għalih. Pajjiżna kellu dejn ta’ ftit iktar minn €5 biljun meta Abela ħa post Joseph Muscat. Dan ifisser li f’ħames snin, Robert Abela rnexxielu aktar milli jirdoppja d-dejn ta’ pajjiżna. Fl-aħħar sena biss Robert Abela għamel €859 miljun f’dejn, jiġifieri €2.3 miljun kuljum. Robert Abela sar sinonimu mad-dejn, u ta’ dan id-dejn kollu m’għandu xejn x’juri.

Fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Ministers Graham Bencini u Jerome Caruana Cilia, intqal li l-Gvern kompla jberbaq il-flus tat-taxxi tal-poplu u fi Frar biss nefaq €89 miljun iktar milli nefaq fi Frar tas-sena l-oħra. Minn dawn il-flejjes kollha lill-poplu ftit li xejn messu, waqt li tal-qalba komplew jitħanżru, kif qalu esponenti tal-Gvern stess. Dan it-tberbiq sahansitra wassal għal żbilanċ ta’ €95 miljun fl-ewwel xahrejn tas-sena.

Dan ir-rekord ta’ dejn qed iwassal għal rekord ieħor – dak fuq l-imgħax li qed ikollu jħallas il-Gvern mit-taxxi tal-poplu. Fil-fatt, il-Maltin u l-Għawdxin qed iħallsu madwar €710,000 kuljum f’interessi biss fuq id-dejn.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar kif stħarriġ fost imprendituri ewlenin sab li d-deterjorazzjoni tal-qagħda politika u regolatorja qed tagħmel minn Malta pajjiż inqas attraenti għall-investiment.

Huma saħqu li l-politika tal-Gvern li qed ikompli jiddejjen bla kontroll ta’ xejn, ċertament li ma tgħinx biex toffri stabbiltà u serħan tal-moħħ lil min jista’ jinvesti f’Malta biex dawn iħossuhom komdi jagħmlu dan u lanqas mhu qed iserraħ ras il-Maltin u l-Għawdxin dwar il-futur ta’ pajjiżna.