L-Ukrajna tinsab ottimista dwar it-taħditiet li saru fl-Arabja Sawdija bejn ir-rappreżentanti tagħha u tal-Istati Uniti. Taħditiet li fuq kollox indirizzaw il-possibbiltà ta’ ftehim għall-paċi wara snin ta’ konflitt militari mar-Russja u li damu għaddejjin għat-tul taż-żmien.
Sadanittant, l-Istati Uniti – li qed tinsisti dwar pjan għall-paċi fl-Ukrajna – tidher li qablet ma’ xi punti li qajmu r-rappreżentanti Ukreni, bil-Ministeru tad-Difiża tal-Ukrajna jirreferi għat-taħditiet f’Riyadh bħala ‘produttivi fiċ-ċirkustanzi’.
L-Amerikani anki qed jiltaqgħu mar-Rappreżentanti tar-Russja bit-tama li jikkonkludu l-gwerra tal-Ukrajna, għalkemm xi analisti jemmnu wkoll li l-aspettativi ta’ Steve Witkoff, ir-Rappreżentant Speċjali tal-President Amerikan Donald Trump, jistgħu huma xi ftit ottimisti żżejjed – almenu għalissa.
Madankollu, l-Ukreni qed jidhru sodisfatti bl-aħħar djalogu u meta għat-taħditiet f’Riyadh ġabu magħhom l-esperti tekniċi mill-Ministeru għall-Enerġija, flimkien ma’ diplomati u uffiċjali navali biex jiddiskutu l-aħjar salvagwardi għar-rotot tal-vapuri fil-Baħar l-Iswed.
Min-naħa tagħhom, ir-Russi qed jidhru ħerqana biex jistimolaw mill-ġdid il-ftehim dwar il-Baħar l-Iswed li jippermetti biex huma jesportaw il-prodotti tal-biedja lejn pajjiżi oħrajn. Ftehim li, fl-istess ħin, jorbot lir-Russi biex ma jattakkawx il-bastimenti tal-Ukrajna,
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-President Russu, Vladimir Putin, kellu taħditiet bit-telefon mal-ogħla tmexxija tal-Emirati Għarab Magħquda u fejn huma, fost oħrajn, iddiskutew l-aħħar negozjati bejn l-Amerikani u l-Ukreni dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna.
Madankollu, il-gwerra fl-Ukrajna qed tkompli bl-istess intensità, bid-difiżi tal-Ukreni jinterċettaw l-għexieren tad-drones sparati mir-Russi lejn pajjiżhom u fost rapporti li l-Ukreni qerdu numru ta’ ħelikopters militari f’lokalità sigrieta, fir-reġjun Russu ta’ Belgorod.
Fl-aħħar sigħat ukoll, l-Ukreni rrappurtaw li numru ta’ missili sparati mir-Russi laqtu sptar, flimkien ma’ diversi djar u istituti tat-tfal fil-belt ta’ Sumy. Fl-azzjoni ndarbu mat-80 persuna, inklużi diversi bniet u subien.
Dan meta l-qawwiet Russi qed jintensifikaw l-attakki fuq Sumy u r-reġjun ta’ Kharkiv, kif ukoll fuq l-artijiet lejn il-Lvant ta’ Donetsk u r-reġjun ta’ Zaporizhzhia.
Madankollu, is-suldati tal-Ukrajna qed jirreżistu għall-attakki, bil-qawwiet Ukreni anki jkomplu bl-azzjonijiet fir-reġjun ta’ Kursk, fir-Russja – sinjali li Vladimir Putin għadu qed jikkonfronta l-preżenza determinata tat-truppi Ukreni f’artu stess.
L-Ukrajna, fl-istess ħin, ħarġet stqarrija biex issostni li r-Russi, minkejja xi avvanzi, kellhom iħallsu prezz qares f’ħajja mitlufa kif ukoll fit-telf tat-tagħmir tal-gwerra. Sitwazzjoni li, fi kliem l-Ukreni, qed taffettwa sew il-potenzjal tal-għadu biex jirranka l-offensiva matul il-jiem li ġejjin. Dan ukoll fost l-istqarrijiet minn Kiev li r-Russja tilfet viċin l-1,300 suldat f’24 siegħa biss ta’ kumbattimenti.
//= $special ?>