Lokali

Akkużi serji jimplikaw li l-Eks Kap Eżekuttiv tal-Labour irċieva pagamenti suspettużi

Diversi rapporti fil-midja indipendenti żvelaw każ ieħor serju li jipponta lejn il-Partit Laburista – każ fejn allegatament għaddew pagamenti suspettużi lill-Eks Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta James Piscopo, li serva wkoll bħala Kap Eżekuttiv tal-Labour.

Skont ir-rapporti, dan l-iskandlu jitratta pagamenti marbutin mal-kuntratt tas-servizz tal-linja u mal-proġett tal-flyover tal-Kappara. Jidher li dawn il-flejjes għaddew għand Piscopo fl-2015.

L-investigazzjoni iddur mal-fatt li l-ħlasijiet saru fl-istess perijodu li fih Transport Malta kienet ħarġet it-tender għall-proġett tal-Kappara li kien jiswa €35 miljun, u fl-istess żmien meta ngħata l-kuntratt tat-trasport pubbliku.

Skont it-Times, Piscopo kien investigat mill-Pulizija fuq xamma serja ta’ korruzzjoni, evażjoni ta’ taxxa u anke ħasil ta’ flus.

Investigazzjoni li l-istess ġurnal għamel ma’ Amphora Media u l-MaltaToday turi li għaddew għand l-Eks Kap Eżekuttiv tal-Labour xejn anqas minn €30,000 f’pagamenti suspettużi għal “konsulenzi”. Bil-medja indipendenti turi kif Piscopo fetaħ numru ta’ kontijiet bankarji f’Malta u anke barra l-pajjiż; uħud minnhom moħbijin fi trusts.

James Piscopo qed jiċħad li għamel xi ħaġa ħażina, għalkemm ikkonferma li saru dawn il-pagamenti – li hu sejħilhom bħala “stupidi”.

Il-flus waslu tramite disa’ ċekkijiet mingħand l-accountant Robert Borg, li fl-2016 kien waqqaflu l-kumpanija Undecim Five.

Fil-qalba ta’ din l-investigazzjoni hemm ukoll Shiv Nair – persuna li ilu sa mill-bidu nett tal-Gvern Laburista fl-2013 marbut intrinsikament max-xibka ta’ Kastilja u serva bħala konsulent għall-Gvern, minkejja li huwa blacklisted mill-Bank Dinji.