Id-Djoċesi ta’ Għawdex tfaħħar lil Alla u tifraħ ma’ Dun Fabio Attard sdb, wieħed minn uliedha, hekk kif fil-jum tas-Solennità tat-Tħabbira tal-Anġlu lil Marija, il-Mulej reġa’ xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon ta’ din il-Knisja u qiegħed jibgħat l-Ispirtu tiegħu ta’ qadi fuq dan is-saċerdot Salesjan, umli u dedikat, biex imexxi l-opra għażiża Salesjana bħala l-11-il suċċessur ta’ Don Bosco. Dan kif aktar kmieni dalgħodu, id-29 Kapitlu Ġenerali tas-Salesjani ħatar lil Dun Fabio bħala Rettur Maġġur tal-Kongregagazzjoni Salesjana, imxerrda ma’ 136 pajjiż fid-dinja.
Dun Fabio twieled il-Belt Victoria, Għawdex fit-23 ta’ Marzu 1959, u rċieva l-ewwel sagramenti fil-Parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, il-Fontana. Huwa ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-iskejjel tal-Belt Victoria, u wara tliet snin ta’ formazzjoni fis-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex, fl-1978 daħal fil-familja Salesjana. Wara l-istudji tiegħu fl-Inserm u eventwalment fi ħdan il-Konregrazzjoni Salesjana, għamel il-Professjoni Reliġjuża f’Dublin, fit-8 ta’ Settembru 1980.
Huwa rċieva l-Ordinazzjoni Djakonali fit-12 ta’ Lulju 1986 mill-Isqof Nikol Ġ. Cauchi, u dik Presbiterali fl-4 ta’ Lulju 1987 mill-Kardinal Castillo Lara sdb, it-tnejn fil-Bażilika ta’ San Ġorġ, il-Belt Victoria. Speċjalizza fit-Teoloġija Morali fl-Università Pontifiċja Salesiana u fl-Akkademja Pontifiċja Alfonsiana ta’ Ruma, fejn aktar tard ġie msejjaħ jgħallem, waqt li fl-1999 kiseb Dottorat mill-Milltwon Institute for Philosophy and Theology ta’ Dublin bir-riċerka tiegħu fuq it-tema tal-kuxjenza fl-omeliji Anglikani ta’ San John Henry Newman.
Għen biex twaqqfet il-preżenza Salesjana f’Tunis, u aktar tard serva wkoll bħala Rettur tal-Oratorju u l-Iskola Salesjana ta’ Saint Patrick’s f’Malta. Fl-2005 waqqaf l-Istitut għall-Formazzjoni Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u sar l-ewwel Direttur tiegħu. Is-26 Kapitlu Ġenerali tal-Kongregazzjoni Salesjana kien ħatru Delegat tal-Provinċja tal-Irlanda u Malta, kif ukoll Kunsillier għall-Pastorali maż-Żgħażagħ.
Għalkemm għex għal ħafna żmien barra minn gżiritna, minħabba l-ministeri importanti li kien jokkupa kemm fi ħdan il-familja Salesjana u kemm fil-Knisja universali, Dun Fabio kien dejjem punt ta’ riferiment għal-lajċi impenjati, saċerdoti u saħansitra għall-isqfijiet tad-Djoċesi tagħna.
L-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma aktar kmieni dalgħodu ċempel lil Dun Fabio biex jifraħlu, hekk kif wara li l-220 provinċjal u delegat miġbura f’Valdocco għażluh bħala Rettur Maġġur, hu kien fi triqtu lejn Turin, il-benniena tal-ispiritwalità u l-kariżma Salesjana, biex iżur il-qabar tal-fundatur San Ġwann Bosco.
Dawn kienu l-ewwel reazzjonijiet tal-Isqof Anton wara l-aħbar: “Inwiegħdu lil Dun Fabio t-talb u l-imħabba tagħna lkoll. Nistennewh jiġi fostna biex flimkien miegħu nkunu nistgħu nitolbu u nirringrazzjaw lil Alla għal dan id-don hekk importanti fil-Knisja. Il-Mulej li għażlu, jimlieh bil-għaqal u bi spirtu ta’ dixxerniment biex iwettaq mill-aħjar il-missjoni tiegħu”.
//= $special ?>