L-għoli tal-ħajja, iktar investiment fis-settur tas-saħħa, l-immigrazzjoni u l-azzjoni fil-konfront tal-bidla fil-klima huma l-prijoritajiet tal-Maltin fil-Parlament Ewropew – suġġetti li għall-Maltin huma prijorità ogħla mill-medja Ewropea.
Dan ġie żvelat fl-aħħar Eurobarometer bl-istħarriġ sar bejn id-9 ta’ Jannar u l-4 ta’ Frar li għadda.
Infatti fl-istħarriġ intqal li għal 46% tal-Maltin l-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni hija l-ogħla prijorità u 35% tkellmu fuq il-bżonn ta’ aktar investiment fis-saħħa pubblika.

Fl-istħarriġ irriżulta li 64% tal-Maltin jemmnu li l-kwalità tal-ħajja tagħhom ħa tibqa’ l-istess jew se tmur għall-agħar matul il-ħames snin li ġejjin. Dan filwaqt li 92% tal-Maltin jemmnu li pajjiżna bbenefika bħala membru fl-Unjoni Ewropea.

Apparti minn hekk, meta l-parteċipanti kienu mistoqsija jekk l-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea iħallux impatt f’ħajjithom; 81% qalu iva. 52% tal-Maltin qalu li li r-rwol tal-Unjoni Ewropea fid-dinja se jsir aktar importanti meta kkumparat mal-medja Ewropea li hija 44%.

B’rabta mal-benefiċċji li pajjiżna qed jieħu bħala membru fl-Unjoni Ewropea 50% tal-Maltin qalu li l-Unjoni Ewropea tikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku f’Malta.
32% tal-Maltin qalu li l-Unjoni Ewropea ġġib l-opportunitajiet tax-xogħol u 18% jemmnu li l-Maltin għandhom influwenza sinifikanti f’deċiżjonijiet li jsiru fuq livell Ewropew.
