Ekonomija Lokali

HSBC Malta jikkonferma li m’hemm l-ebda offerta preferuta

Il-bank HSBC ħabbar li bħalissa m’hemm l-ebda offerta preferuta għall-akkwist tal-operat lokali tiegħu u li l-proċess għadu fi stadju bikri.

Fi stqarrija, il-bank irrefera għad-deċiżjoni li ttieħdet waqt laqgħa ġenerali straordinarja fi Frar, fejn ix-shareholders awtorizzawh biex jaqsam informazzjoni kunfidenzjali ma’ offerti potenzjali biex ikunu jistgħu jagħmlu, jikkonfermaw, jirtiraw jew jimmodifikaw kwalunkwe offerta għal sehem sostanzjali fil-bank.

HSBC Malta ddikjara li ffirma ftehim ta’ kunfidenzjalità mal-akbar shareholder tagħha, HSBC Continental Europe. Barra minn hekk, il-bank jinsab fil-proċess li jiffirma kuntrati ta’ kunfidenzjalità ma’ diversi offerti prospettivi, li lilhom se jipprovdi informazzjoni kunfidenzjali.

HSBC Malta enfasizzat ukoll li kwalunkwe tranżazzjoni potenzjali tkun teħtieġ approvazzjoni regolatorja kemm mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji kif ukoll mill-Bank Ċentrali Ewropew… proċess li mistenni jieħu diversi xhur.

Rapporti s-sena l-oħra indikaw li l-bank APS kien impenjat f’negozjati avvanzati biex jakkwista l-HSBC u li d-diskussjonijiet max-shareholders globali tal-HSBC kienu ilhom għaddejjin għal diversi snin. L-akbar shareholder tal-APS Bank hija l-Knisja Maltija.

Madankollu, f’Novembru, l-Arċisqof Charles Scicluna stqarr li l-possibbiltà li l-APS Bank jakkwista l-HSBC Malta kienet għadha ‘l bogħod.