Repubblika tesprimi l-għadab u s-sogħba tagħha li l-Prim Ministru ta’ Malta qed jabbanduna deċenji ta’ konsensus fil-politika domestika u barranija ta’ Malta u jingħaqad mal-lemin estrem biex jitnawru d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Nirrespinġu għal kollox l-idea li esprima l-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ li l-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li nkitbu tmenin sena ilu issa skadew u jeħtieġu jinbidlu biex ikunu aġġornati ma’ dik li hu jsejjaħ ir-realtà tal-migrazzjoni llum. Il-Prim Ministru qed jargumenta li drittijiet eżistenti issa għandhom jitneħħew biex il-gvern ikun jista’ jwettaq għemil sal-lum meqjus illegali.
Id-drittijiet tal-bniedem huma fundamentali: li jfisser li huma parti mid-dinjità umana u li l-ksur tagħhom ifisser trattament inuman tal-vittmi u mġiba inumana ta’ dawk li jwettquh.
Id-drittijiet tal-bniedem huma inaljenabbli: li jfisser li mhumiex xi rigal li jagħti l-gvern li jista’ jiċċaħħad, jitneħħa jew jitnaqqas meta l-politika tal-gvern tinbidel.
Id-drittijiet tal-bniedem huma universali: li jfisser li jgħoddu għal kulħadd mingħajr diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ċittadinanza, nazzjonalità, jew razza.
Il-Prim Ministru wera injoranza grassa tal-fatti storiċi meta qal li meta l-Konvenzjonijiet tad-Drittijiet tal-Bniedem inkitbu fis-snin erbgħin tas-seklu għoxrin, l-awturi ma setgħux jobsru l-kundizzjonijiet ta’ migrazzjoni li kienu se jiġru tmenin sena wara. L-awturi tal-konvenzjonijiet fis-snin erbgħin tas-seklu għoxrin kitbu l-Konvenzjonijiet fid-dell u fil-memorja ħajja tat-Tieni Gwerra Dinjija u tal-Olokawst Nażista. Dawk l-awturi kienu xhieda tal-konsegwenzi li jkollok meta gvernijiet jiċħdu d-dritt ta’ rifuġjati li jkunu qed jaħarbu l-persekuzzjoni u l-għaks minn pajjiżhom.
Il-Konvenzjonijiet li nkitbu tmenin sena ilu ma ħolqux dawn id-drittijiet. Id-drittijiet għall-ħajja, għall-kelma ħielsa, għal smiegħ xieraq, li ma tkunx ittorturat, li tkun salvat mill-għarqa, u li tingħata kenn meta taħrab mill-persekuzzjoni ilhom rikonoxxuti – għalkemm spiss mhux rispettati – kemm ilha l-umanità tirrikonoxxi lilha nfisha bħala tali. Uħud minn dawn id-drittijiet ilhom elaborati sekli. L-obbligu ta’ min jista’ li jsalva lil min qed jegħreq fil-baħar ilha parti miċ-ċiviltà Mediterranja eluf ta’ snin.
Li jagħmlu differenti il-Konvenzjonijiet li nkitbu tmenin snin ilu hu li jistabbilixxu liġijiet internazzjonali biex jipproteġu dawn id-drittijiet u biex jipproteġu lil kull bniedem mill-abbuż li jafu jwettqu n-nies fil-poter. Robert Abela jrid li dawn il-liġijiet internazzjonali jinbidlu biex ikun jista’ jagħmel dak li llum ma jistax: li jwettaq ħruxijiet fuq il-vittmi li qed jagħżel.
L-universalità tad-drittijiet tal-bniedem tipproteġina lkoll. Jekk Robert Abela jista’ jibdel il-liġi biex iċaħħad id-drittijiet ta’ Afrikani, ma jżommu xejn biex għada jibdel il-liġijiet biex iċaħħad id-drittijiet ta’ kull min idejqu.
Nafu li Robert Abela mhux l-uniku kap ta’ gvern fid-dinja li f’ħakka t’għajn qed jabbanduna n-normi demokratiċi li f’dawk li kienu d-demokraziji ilna naqblu fuqhom għal tmenin sena. Fil-fatt Robert Abela stess jesprimi l-qbil ma’ gvernijiet oħra tal-lemin, spiss estrem, meta jiġġustifika dan l-attakk fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Aħna nirrespinġu dan l-estremiżmu ta’ Robert Abela u nappellaw lil kull persuna li tgħożż id-demokrazija u kull persuna ta’ fehma moderata u progressiva li ġġedded il-konsensus f’pajjiżna li d-drittijiet fundamentali tal-bniedem m’għandu jkun jista’ jgħaffiġhom ħadd.
//= $special ?>