Lokali Parlament

Il-familja hija l-futur tagħna

Albert Buttigieg, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg sostna fil-Parlament li għandhom jiddaħħlu inizjattivi biex tissaħħaħ il-familja Maltija għaliex din hi l-futur tal-pajjiż.

Hu tkellem fuq miżura waħda li l-Gvern daħħal bil-għan li aktar familji jkollhom aktar wlied. F’din il-mizura il-Gvern qiegħed jagħti €1,000 għat-tieni wild jew aktar fil-familja.

L-għan aħħari tal-Gvern huwa li jħeġġeġ aktar familji jġibu t-tfal fid-dawl tas-sitwazzjoni li r-rata tat-twelid f’pajjiżna hija l-inqas waħda fl-Ewropa. Dan huwa fatt li ma nistgħux aktar ninjoraw.

Preżentament, wieħed minn kull ħames Maltin huma ‘l fuq minn 65 sena u meta naslu għal 2050, ser ikun hawn wieħed għal kull tlieta li huma ‘l fuq mnn 65 sena. Skont l-NSO tal-2023 – hawn 97,516 persuni minn 65 sena ‘l fuq. Skont l-istess NSO, fl-2023 kellna 4,100 twelid (fosthom tfal ta’ genituri barranin) filwaqt li kellna 5,000 imwiet. Dan ifisser differenza ta’ 900 persuna

Id-deputat Nazzjonalista qal li jekk nibqgħu b’din ir-rata, allura qegħdin nirriskjaw mhux biss li Malta, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom jinbidlu b’mod radikali imma saħansitra li r-razza Maltija tispiċċa bħal ma spiċċaw id-dinosawri. Għaldaqstant, huwa fl-interess tagħna lkoll li nagħmlu l-politika favur il-familja.
Fit-terminu ‘familja’ hemm id-definizzjoni wiesgħa li nifhmu biha llum.

Fost diversi sfidi, hemm l-isfida tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin għall-familja minħabba impenji finanzjarji, self mal-banek minħabba xiri ta’ appartmenti u l-ġirja tal-ħajja.

F’ħajti kelli diversi esperjenzi sbieħ u qawwija imma zgur li l-isbaħ esperjenza hija meta sirt missier.
L-akbar problema tibqa’ n-nuqqas ta’ bilanċ jew ħin għall-familja. Dan qiegħed iwassal biex numru ta’ koppji għalkemm jixtiequ li jkollhom it-tfal imma ma jħossuhomx li għandhom ħin u riżorsi biżżejjed biex iġibu t-tfal. Fil-fatt, fejn qabel il-membri tal-familja kienu jkunu aktar minn erba’ persuni, illum il-ġurnata, numru ta’ familji mhumiex aktar minn tliet membri.

Wieħed irid jgħid ukoll li dan mhuwiex biss minħabba nuqqas ta’ ħin imma wkoll minħabba li l-aspetattazzjonijiet għolew, edukazzjoni, housing u l-kwalità tal-ħajja mxiet ‘il quddiem. Hu fl-interess nazzjonali li naraw li nwieżnu lill-familji biex nagħmluha aktar faċli li kopja jkollha aktar minn wild wieħed.

Għalhekk hemm bżonn b’mod urġenti li l-politiċi ta’ kull fehma, min iħaddem u kull min jista’ jagħti kontribut biex inpoġġu flimkien biex nagħmlu pjan ta’ azzjoni li jaħseb għall-futur. Hu qal li l-proposta tiegħu hija li jkun hawn task force li tiġbor madwar mejda lil kulħadd – politiċi, employers, edukaturi u akkedmiċi.

Hu spjega li t-tfal li jitwieldu f’din is-sena 2025 jew 2026 ser jidħlu fid-dinja tax-xogħol fl-2043/2044.
Il-PN bħala forza politika fil-pajjiż ħareġ numru ta’ proposti biex nagħtu l-appoġġ lil dawk il-ġenituri biex ikollhom aktar bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, b’għan li jkun hemm aktar wild.

Il-proposti tal-PN inkludew l-espansjoni tal-leave tal-ġenituri biex il-familji jkollhom aktar ħin flimkien, il-leave tal-missirijiet (parternity leave) jiżdied minn 10 għal 15-il ġurnata biex jiġi rikonoxxut ir-rwol dejjem jikber tal-missirijiet fil-kura tat-tfal u l-leave tal-ġenituri (parental leave) jiġi estiż minn 8 għal 28 ġimgħa, maqsum indaqs bejn iż-żewġ ġenituri u mhux trasferibbli biex tkun promossa r-responsabbiltà kondiviża.

Proposti oħra kienu li l-leave tal-maternità (maternity leave) jiżdied minn 18 għal 24 ġimgħa, bl-aħħar sitt ġimgħat ikunu trasferibbli lill-ġenitur l-ieħor jekk iridu, li t-total ta’ sena sħiħa leave mħallas bejn leave tal-maternità u leave tal-ġenituri, li jagħti l-flessibbiltà essenzjali lill-familji u li l-leave mħallas mill-gvern għal kull ħaddiem, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom.

Il-PN ippropona wkoll li l-leave tal-ġenituri, tal-missirijiet u ż-żieda fil-leave tal-maternità jkunu mħallsa mill-gvern għall-ħaddiema kollha, fil-każ tal-leave tal-ġenituri (parental leave) il-ħlas ikun sal-livell tal-paga medja, li hu ferm aktar mir-rata tal-leave tal-mard li hemm bħalissa u li ħaddiema għal rashom (self-employed) jingħataw l-istess drittijiet bħal ħaddiema impjegati, biex jiġi żgurat trattament ġust għal kull forma ta’ xogħol.

Proposti oħra tal-PN huma li l-gvern ikopri dawn l-ispejjeż biex inaqqas il-piż finanzjarju fuq min iħaddem u n-negozji.

Fl-appoġġ għall-kura tat-tfal u remote working, il-PN ippropona għajnuna finanzjarja għal ġenituri li jagħżlu li jibqgħu d-dar mat-tfal fit-tieni sena wara t-twelid, ekwivalenti għas-sussidji li jagħti l-gvern għall-kura tat-tfal (childcare centres), krediti tat-taxxa għall-kumpaniji privati li jimplimentaw mudelli ta’ remote working, biex jiġu rikonoxxuti l-benefiċċji ta’ arranġamenti flessibbli tax-xogħol inkoraġġiment biex aktar negozji jadottaw policies ta’ remote working u flessibbiltà ħalli jtejbu l-produttività u l-benesseri tal-impjegati.

Filwaqt li l-mizura tal-Gvern li jagħti €1,000 hija tajba fiha nnifsha, imma kulħadd jaf li ħadd mhu se jġib aktar tfal għaliex ser jingħatalu dan l-ammont.

Għandna bżonn nagħmlu qafas aktar wiesgħa u sod biex inħeġġu lil familji tagħna jkollhom aktar wild
Għaldaqstnt, nistieden lill-Gvern, li nemmen li anke huwa qed jifhem is-serjetà tas-sitwazzjoni, biex ‘l hinn mill-politika partiġjana – li ħafna drabi ma tħalliniex nieħdu deċizjoni serji imma neċessarji minħabba l-biża’ ta’ nuqqas ta’ appoġġ – u npoġġu flimkien ħalli nfasslu pjan ta’ ħidma. Flimkien inkun aktar b’saħħitna.

Huwa fl-interess tagħna lkoll li ninvestu fil-familja. Il-familja hija l-futur tagħna, sostna Albert Buttigieg.