Lokali Parlament

Il-gvern qed ikisser ir-reputazzjoni tal-FAM

Darren Carabott, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott sostna fil-parlament bin-nuqqas ta’ investiment li qed jagħmel, il-gvern qed ikisser ir-reputazzjoni tal-Forzi Armati Maltin (FAM).

Darren Carabott qara testwalment id-dokument li minnu jirriżulta li l-FAM qed jipparteċipaw fil-missjoni tal-UE b’appoġġ militari għall-Ukrajina.

Hu qal li l-Prim Ministru qed jikkontradixxi lilu nnifsu u qed jipprova jaħbi l-parteċipazzjoni ta’ Malta f’din il-missjoni. Id-deputat Nazzjonalista qal li kien il-Prim Ministru li qajjem dubju dwar in-newtralità imbagħad l-għada jgħid kontra; l-istess kif għamel meta ivvota budget ta’ €800 biljun favur id-difiża fl-UE.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Prim Ministru ħeba dan il-fatt u kien biss grazzi għall-PN li kien żvelat li Malta hi parti mill-missjoni tal-UE favur l-Ukrajina kontra r-Russja.

Hu qal li l-gvern qed ikisser ir-reputazzjoni tal-FAM għaliex mhuwiex jinvesti fejn hemm bżonn. Din il-missjoni tal-UE hi waħda ta’ assistenza militari, sostna Darren Carabott, li kompla li din hi l-konferma ta’ kemm din hi missjoni militari.

Hu tkellem dwar il-Korp tal-Pulizija u qal li hemm iktar investiment li jrid isir biex il-pulizija tikkumbatti l-kriminalità li llum hi iktar avvanzata. Darren Carabott semma’ t-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija u qal li fil-każi l-kbar ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata, t-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija ma nvestigatx.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu jkun konsultat f’applikazzjonijiet dwar bini għoli. Kemm għandu riżorsi dan id-dipartiment quddiem dawn l-applikazzjonijiet.

Darren Caraott staqsa kemm mill-flotta ta’ helicopters jistgħu jmorru b’mod immedjat biex isalvaw u qal li jirriżulta li hemm biss helicopter wieħed. Hu qal li għandhom jinxtraw helicopters ġodda minflok l-Aluetts.

Dwar il-ħabs, hu qal li l-politiku għandu jintervjeni iktar wara r-rapport tal-Ombudsman iżda jidher li għadu ma sar xejn.