Il-Malta Airport Foundation issieħbet ma’ Heritage Malta u se tkun qed tiffinanzja t-tieni fażi tal-proġett ta’ restawr li għaddej bħalissa fuq il-Monument tal-Qanpiena fil-Belt Valletta.
Il-monument, li jfakkar aktar minn 7,000 vittma tat-Tieni Gwerra Dinjija f’Malta, ġie inawgurat fl-1992 u jinsab fil-parti t’isfel tal-Bastjun ta’ San Kristofru fil-Belt Valletta. Il-monument mibni fuq disinn ta’ Michael Sandel, skultur Ingliż li jispeċjalizza fil-ħolqien ta’ monumenti li jfakkru gwerer u battalji, jinkludi l-akbar
qanpiena tal-Gżejjer Maltin. Din kienet iddoqq kuljum f’nofsinhar b’tifkira ta’ dawk li tilfu ħajjithom matul il-gwerra, iżda biex tiġi assigurata l-istabbiltà tal-istruttura u minħabba l-ħtieġa urġenti ta’ restawr, il-qanpiena waqfet issemma’ t-tokki tagħha snin ilu.
Filwaqt li l-ewwel fażi tal-proġett iffukat fuq xogħlijiet ta’ tiswija u t-tisħiħ tal-istruttura tal-mafkar u l-makkinarju tal-qanpiena tal-bronż, it-tieni fażi se tkun qed tikkonċentra fuq it-tisbiħ tal-monument u l-madwar tiegħu, filwaqt li se tkun qed iżżid is-sigurtà fl-ispazju biex tipproteġi l-investiment li qiegħed isir. Fil-fatt, din il-fażi tal-proġett se tinkludi l-installazzjoni ta’ gradi ġodda, pavimentar ġdid, l-introduzzjoni ta’ sistema tas-CCTV u dawl maħsub apposta għall-post, bil-għan li l-monument ikun jista’ jiġi apprezzat fil-ħinijiet kollha tal-jum, anke mill-bogħod.
Barra minn hekk, it-tieni fażi tal-proġett tinkludi r-restawr tal-ħitan ġewwinija tal-bastjun u t-tlajja’ ta’ fuq, kif ukoll tal-iskultura tal-bronż li tissimbolizza d-dfin fil-baħar tas-suldat mhux magħruf, liema skultura tinsab biswit il-qanpiena.
“Huwa unur għall-Malta Airport Foundation li qed tingħata din l-opportunità biex tinvesti fil-preservazzjoni ta’ dan il-monument li jfakkarna f’mument kruċjali fl-istorja tal-Gżejjer Maltin. Ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ li se jkunu qed isiru bl-appoġġ tal-Fondazzjoni se jkomplu jżidu l-attrazzjoni ta’ din iż-żona li diġà tgawdi mill-veduti mill-isbaħ tal-Port il-Kbir u l-fortifikazzjonijiet tal-madwar,” qal iċ-Chairman tal-
Malta Airport Foundation, Josef Formosa Gauci.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li “meta wieħed iqis il-legat b’saħħtu tal-Malta Airport Foundation fil-ħarsien tal-wirt kulturali, huwa ta’ unur għalina li naħdmu flimkien fuq dan il-proġett tal-Monument tal-Qanpiena. Din is-sħubija hija allinjament naturali għal Heritage Malta hekk kif tkompli b’ħidmietha biex tippreserva u tħares il-wirt kulturali ta’ Malta. Heritage Malta temmen bis-sħiħ li kollaborazzjoni bħal din tiffaċilita t-tgawdija ta’ dan il-mafkar uniku fil-kapitali tagħna, kemm mill-Maltin kif ukoll minn dawk li jżuruna. Il-wirt kulturali huwa parti integrali mill-identità nazzjonali tagħna u huwa wkoll wieħed mis-sisien tal-prodott turistiku Malti.”
Il-proġett tal-Monument tal-Qanpiena mhuwiex l-ewwel impenn tal-Fondazzjoni fir-restawr ta’ patrimonju ta’ żmien il-Gwerra u biex tagħmel dan aktar aċċessibbli għall-pubbliku. Bejn l-2017 u l-2020, il-Fondazzjoni ħadmet id f’id ma’ Fondazzjoni Wirt Artna biex ġiet irrestawrata l-Combined Operations Room, li tifforma parti mill-kumpless impressjonanti taħt l-art, mifrux fuq 28,000 metru kwadru u li kien
jintuża bħala kwartieri tal-gwerra.
Bil-għan li tinvesti fil-prodott turistiku tal-Belt Valletta, il-Malta Airport Foundation iffinanzjat ukoll ir-restawr tal-Via Sagra storika fil-knisja Ta’ Ġieżu u għenet lil Fondazzjoni Patrimonju Malti fil-ftuħ ta’ gallarija tal-arti li tesebixxi xogħlijiet ta’ Victor Pasmore, liema wirja permanenti tinsab fi Triq San Pawl.
//= $special ?>