Lokali Qorti

Il-prosekuzzjoni tgħid li nstabu seba’ ID Cards foloz

Hekk kif kompla jinstema’ l-każ ta’ ID cards foloz, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukat Manuel Grech qalet illi minkejja li l-allegazzjoni oriġinali li saret kienet tindika eluf ta’ karti tal-identità ffalsifikati, mill-investigazzjoni li saret mill-pulizija nstabu biss seba’ ID Cards foloz.

Dan ħareġ fil-każ kontra Maria Rita Spiteri ta’ 32 sena li kienet taħdem Identità u Bernard Attard ta’ 33 sena, li huwanegozjant tal-karozzi. Huma qed jiġu akkużati b’ħasil ta’ flus, traffikar ta’ persuni, frodi u falsifikazzjoni li jinvolvu identitajiet misruqa mill-aġenzija tal-identità tal-gvern Identità.

Meta tressqu l-Qorti l-ġimgħa li għaddiet, irriżulta li l-każ ġej minn investigazzjoni tal-Pulizija fl-2023 ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kisbu dokumenti ta’ residenza frawdolenti. Ħames persuni kienu ġew arrestati u kollha qalu lill-Pulizija li Attard u Spiteri kellhom rwol li jipprovdulhom dokumenti foloz, b’Attard ikun responsabbli biex jiġbor flushom.

Dwar il-fatt li kienu biss seba’ ID cards foloz, dan kien ikkonfermat ukoll mill-eks Chief Head of Compliance ta’ Identità , Claudio Spiteri. Meta mistoqsi mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimechli li qed tippresidei l-każ, Spiteri qal li quddiem Identità kien hemm 16-il file u qal ukoll li “dawn l-eluf kollha li jissemmew jiena qatt ma smajthom”.

Il-Prosekuzzjoni qalet li investigat diversi ittri fuq indirizzi ħżiena, ftehimiet ta’ kirjiet, kontijiet tal-internet u aktar, iżda ID cards fażulli instabu sebgħa.  Spiteri qal ukoll li meta kien Identità kien intalab jinvestiga dwar każ ta’ tliet Eġizzjani li ingħataw status ta’ residenza grazzi għal sponsors minn tliet persuni Brittaniċi.

Qal iżda li mill-indaġni li għamel hu nstab li dawn it-tliet persuni Brittaniċi, ma kinux jafu min huma l-persuni Eġizzjani. Għalhekk huwa għadda  l-każ lill-Pulizija. 

L-Ispetturi Andy Rotin, Keith Darmanin, Lara Butters u Christian Abela mexxew il-prosekuzzjoni bl-għajnuna tal-avukati tal-AĠ Manuel Grech u Andrea Zammit. L-avukati Alfred Abela u Rene Darmanin assistew lil Spiteri. L-avukati Josè Herrera u Matthew Xuereb assistew lil Attard.