Raġel ta’ 35 sena mis-Siġġiewi, wieġeb ħati wara li ġie mixli li offenda d-diċenza pubblika ta’ mara waqt li kienet miexja fit-triq. Emmanuel Degabriele, kien akkużat ukoll li sar reċediv u li kiser il-kundizzjonijiet preċedenti tal-libertà proviżorja.
Il-Qorti semgħet kif fil-11 ta’ Marzu, mara infurmat lill-għassa li waqt li kienet miexja f’passaġġ bejn triq il-Ħajt Ruman u Santa Andrija, li minn Ħal Safi li jwassal għaż-Żurrieq’, il-mara li għamlet ir-rapport mal-Pulizija qalet li raġel allegatament niżżel il-qalziet u staqsieha jekk il-parti privata tiegħu “hiex kbira biżżejjed”.
L-avukat difensur Charles Mercieca qal lill-Qorti li r-recording estratt mill-filmati tas-CCTV taz-zona fil-fatt l-akkużat jinstema’ jgħid il-kliem indiċenti iżda fuq il-filmati, l-akkużat ma deherx li qed iniżżel il-qalziet jew jikxef il-parti privata tiegħu.
L-Ispettur tal-prosekuzzjoni ammetta wkoll dan il-fatt. Meta mistoqsija mill-pulizija li fuq is-CCTV, l-akkużat ma deherx iniżżel il-qalziet u l-istqarrija tagħha ma kinitx taqbel mal-filmat, hi biddlet il-verżjoni tagħha u qalet li “seta’ ma għamilx hekk”.
Għalhekk, l-akkużat wieġeb ħati fuq il-bażi li qal kliem indiċenti lill-mara. Għalhekk, ingħatat il-libertà proviżorja lill-akkużat kontra depożitu ta’ €200. Id-deċiżjoni dwar is-sentenza tiegħu ġiet differita għas-27 ta’ Marzu peress li l-prosekuzzjoni għad trid tippreżenta tliet dokumenti addizzjonali dwar il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tal-akkużat f’każijiet separati.
Ingħatat ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u l-akkużat ġie mwissi li ma tħalliex javviċina jew jikkuntattja lill-vittma.
Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Giannella Busuttil. L-Ispettur Wayne Bonello mexxa l-prosekuzjoni. L-avukat difensur Charles Mercieca irrappreżenta lill-akkużat.
//= $special ?>