Lokali Parlament

Jibqgħu jirrifjutaw li jgħidu min huma l-konsulenti u kemm tħallsu

Wieħed wara l-ieħor, il-ministri Laburisti qed jibqgħu jirrifjutaw li jispeċifikaw min huma l-konsulenti tagħhom u kemm qed jitħallsu minn flus il-poplu.

Wara li fis-seduta parlamentari ta’ nhar it-Tnejn li għadda kienet il-Ministru Julia Farrugia Portelli li rrifujtat li twieġeb mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina propju dwar il-konsulenti li għandha, kif ingħażlu u kemm qed jitħallsu.

Illum, fil-parlament id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għamel l-istess mistoqsija lill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi iżda l-Ministru Zrinzo Azzoaprdi rrepeta l-istess tweġiba u qal biss li dawn il-konsulenti qed ikunu appuntati skont il-manwal. Bħall-ministri Laburisti l-oħra, il-Ministru Zrinzo Azzoaprdi ma weġibx dwar min huma l-konsulenti tiegħu.

Il-mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Tonio Bezzina lill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali huma biex il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għall-ingaġġar ta’ konsulenti mill-Ministeru tiegħu, xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi, min kienu dawn il-konsulenti, xi kwalifiki għandhom; x’inhi l-kompetenza tagħhom, kemm tħallas kull konsulent għal kull servizz ta’ konsulenza li ta, kif dawn il-konsulenti ngħataw dan ix-xogħol u jekk hux permezz ta’ direct order jew tender.