Raġel ta’ 30 sena ngħata l-libertà proviżorja wara li kien akkużat b’pussess aggravat ta’ kokaina u ketamina. Huwa qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Godwin Attard mix-Xagħra Għawdex tressaq il-Qorti f’Għawdex ix-xahar li għadda wara li nqabad bi 300g kokaina b’valur tat-triq stmat ta’ €30,000.
Il-Qorti semgħet kif ir-raġel ġie arrestat ix-xahar li għadda minn uffiċjali li kienu qed jagħmlu spezzjonijiet meta ġie osservat li jġib ruħu b’mod suspettuż waqt li kien miexi fi Triq ix-Xatt f’Għajnsielem faċċata tal-għassa tal-Imġarr.
Attard twaqqaf u saret tfittxija fuqu, u l-pulizija sabu l-allegata kokaina mgeżwra f’tape kannella ġewwa pouch marbut ma’ qaddu. Ir-raġel ittieħed l-għassa u tressaq il-Qorti fit-28 ta’ Frar. L-Ispettur Josef Gauci qal lill-Qorti li l-pulizija ma sabu xejn fid-dar tal-ġenituri ta’ Attard fil-Munxar u lanqas f’appartament li jaqsam mat-tfajla tiegħu fix-Xagħra.
L-ispettur xehed ukoll dwar inċident separat li kien jinvolvi lil Attard, meta r-raġel iddaħħal b’urġenza l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fid-9 ta’ Ġunju 2023 wara li kellu overdose ta’ kokaina. Il-pulizija kienet issejħet id-dar tal-ġenituri tiegħu fil-Munxar wara argument bejn Attard u missieru.
Dak iż-żmien, Attard kien f’qagħda kritika. Waqt it-tfittxijiet, imwettqa fid-dar tar-raġel il-pulizija ma sabet xejn ta’ sustanza. Madankollu, fil-karozza ta’ Attard sabu erba’ kontejners li kien fihom traċċi ta’ kokaina, sett imwieżen elettroniċi u qratas vojta.
Fil-kompartiment tal-karozza nstabu xi ngwanti, bil-pulizija ssib ukoll ammont kbir ta ‘kokaina mgeżwra. Meta Attard tressaq il-Qorti x-xahar li għadda, il-pulizija ħarġet ukoll l-akkużi dwar l-inċident tal-2023 u kien akkużat li kien fil-pussess ta’ ketamina u kokaina f’ċirkostanzi li kienu jindikaw li ma kinitx għall-użu personali.
Il-liberta’ proviżorja ġiet miċħuda waqt l-akkużi iżda r-rikors tal-akkużat intlaqa’ mill-Qorti Kriminali minkejja l-oġġezzjoni tal-prosekuzzjoni bbażata fuq il-fatt li ma kellu l-ebda indirizz fiss u lanqas ma kien impjegat.
Madankollu, ir-raġel xehed quddiem il-Qorti Kriminali qal li kien se joqgħod ma’ ommu u kellu xogħol kemm full-time kif ukoll part-time. Attard ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €5,000.
Huwa kien ordnat jiffirma l-Għassa tal-Pulizija kuljum u ġie impost curfew. Il-qorti ordnatlu wkoll jissottometti ruħu għal testijiet tal-awrina każwali kull ġimgħa. Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. L-avukat tal-AĠ Julian Scicluna mexxa l-prosekuzzjoni. Għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Mario Scerri
//= $special ?>