Lokali

Kummissarju tal-Pulizija maħtuf minn Robert Abela – PN

Investigazzjoni ġurnalistika indipendenti tikxef dellijiet ta’ tixħim issa anke fi Transport Malta

Il-Partit Nazzjonalista jirreferi għal investigazzjoni konġunta bejn it-Times of Malta, il-MaltaToday u Amphora Media li identifikat numru ta’ ħlasijiet ta’ konsulenza li rċieva l-eks CEO tal-Partit Laburista James Piscopo bħala suspettużi. Dawn il-ħlasijiet jidher li saru fl-istess perjodu meta Piscopo kien responsabbli bħala CEO ta’ Transport Malta mill-għoti tal-konċessjoni tal-karozzi tal-linja lil operatur Spanjol u mill-bini tal-junction tal-Kappara, ukoll minn kumpanija Spanjola.

Dawn il-ħlasijiet huma marbuta ma’ Shiv Nair, negozjant li kien ġie blacklisted mill-Bank Dinji b’rabta ma’ frodi u korruzzjoni, però li minkejja kollox xorta kien ġie mqabbad biex jagħti konsulenza lill-Gvern Laburista.

Filwaqt li jifraħ lill-ġurnalisti li permezz ta’ kollaborazzjoni investigattiva wasslu biex jikxfu dan l-iskandlu ġdid ta’ tixħim tal-Labour, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi fejn qiegħed il-Kummissarju tal-Pulizija Anġlu Gafà? Anġlu Gafà għandu immedjatament jinforma lill-poplu Malti u Għawdxi fejn waslet din l-investigazzjoni u x’passi se jieħu fil-konfront ta’ esponenti ewlenin tal-Partit Laburista.

Kull kuntratt li sar mill-Gvern Laburista qed jispiċċa mtappan bil-korruzzjoni. Issa anke l-proġett tal-junction tal-Kappara, u l-kuntratt dwar it-trasport pubbliku. Ma jistax ikun li skandlu wara skandlu, ħadd mhu kontabbli għal xejn.

Dawn l-investigazzjonijiet jikkonfermaw ukoll l-għaġla ta’ Robert Abela li jkompli jagħlaq kull forma ta’ skrutinju li jista’ jsirlu, bl-aħħar tentattiv ikun l-għaġla biex ifittex ineħħi d-dritt tal-inkjesti maġisterjali kif ukoll li ma jippublikax rendikont tal-assi tiegħu u tal-Ministri.

Robert Abela jaf li baqagħlu triq waħda. Li jaħtaf f’idejh kollox. Għax jaf li madwaru għandu kollass ta’ sistema li nbniet fuq pedamenti korrotti.

Din l-istqarrija ġiet ippublikata minn Mark Anthony Sammut, Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà u mix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubblika u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg