mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Fost il-kitba li nsibu fil-kultura tagħna, dik li aħna werrieta tagħha, hemm ittra interessanti mhux tant magħrufa. Iktar għarfa u diretta, mingħajr pariri żbaljati. Waħda li għandha l-punti validi u hija f’kuntrast ukoll ma’ oħrajn. Għax f’ċerti mumenti hemm wisq dawk li jemmnu u jimxu fuq dak li kiteb Niccolò Macchiavelli (1469-1527) fil-ktejjeb tiegħu Il Principe (1513).
Dawk li jaħsbu li l-politika t-tajba ssir bil-linja li fiha l-ħatfa tal-poter tiġġustifika kull azzjoni. Mentri hemm iktar f’ittra mimlija b’pariri li Quintus Tullius Cicero (102-43 QK) jgħaddi lil ħuh, Marcus Tullio Cicero (106-43 QK), dak il-ħin kandidat għall-Konsolat, f’dak li għandu jwettaq biex jiġi elett. Waħda li hija pożittiva u mhux negattiva, miftuħa u mhux repressiva, dik li titlob il-kunsens politiku u mhux timponih.
Parir ċar
Fiha hemm numru ta’ pariri ċari ħafna lil min qiegħed jitlob li jiġi elett. Jibda, però, b’żewġ dmirijiet. Huwa jgħidlu: “Et petitio magistratus divisa est in duarum rationum diligentiam, quarum altera in amicorum studiis, altera in popolari volontate ponenda est.” (Meta wieħed ikun qiegħed jikkontesta għandu żewġ linji ta’ ħidma: l-ewwel li jġib l-appoġġ tal-ħbieb u wara li jirbaħ il-volontà tal-poplu.)
Pariri tajba, forsi wkoll ovvji, imma li huwa dejjem mhux indikat li tinjorahom. Jgħoddu fuq żewġ livelli: dawk personali meta l-kandidat ikun waħdu bħal Ċiċerun, jew jagħraf li jrid jaqdef għal rasu. Jgħoddu aktar, u f’kuntest differenti, meta jkun hemm partit politiku sħiħ li jrid jikkontesta fis-sistema demokratika.
Bdil fl-ideat
F’dan wieħed irid jagħraf numru ta’ punti fost id-diversi li hemm jiġru fuq fomm il-bażi tal-partit. Dan aktar fl-għarfien li hemm id-differenza bejn dawk li huma fil-poter u moħħhom iffukat biex jibqgħu jżommuh, u dawk fl-oppożizzjoni li jridu jaraw kif se jidħlu huma fis-siġġu. Jinteressana minn dawk tat-tieni kategorija: l-ewwel għax il-pajjiż għandu bżonn bidla; u t-tieni għax il-Partit Nazzjonalista jixraq li jkun lura hemm. Biss l-intenzjonijiet u d-direzzjonijiet mhumiex dejjem kapaċi jaħdmu id f’id. Hemm ħafna fil-poplu li jagħrfu l-pożizzjoni attwali. Jagħrfu dak li ninsabu fih fis-sens li hemm ir-realpolitik: dik li minkejja d-dnubiet mortali li l-Gvern kien, u jidher li għadu kapaċi jwettaq, xorta ma hemmx bdil fil-barometru tal-kunsensi elettorali.
Hemm tessut soċjali
Hemm f’dan storja twila ta’ partit li rnexxielu, tul snin twal, jirrappreżenta lil diversi fil-pajjiż. Mhuwiex fil-maġġoranza, u ilu ma jkun, imma almenu fil-mument partikolari, minkejja kollox għadu jżomm madwar 40% tal-elettorat. Vera għandu bżonn 11% oħra, u hawn l-argument huwa kif wieħed jista’ jieħu l-pariri ta’ dak ir-Ruman Quintus Tullius Cicero biex iżidhom.
Forsi f’dan il-mument partikolari hemm bżonn aktar l-għarfien ta’ dak li hu l-bażi tal-partit li għadha ħajja hemm, minkejja d-diffikultajiet organizzattivi u amministrattivi li trid u tippretendi mingħandna. Jista’ jkun li naqsu dawk li jattendu l-bini tal-każini, imma dan ma jfissirx li ma sarux mobbli f’postijiet oħra.
Dak li wħud jidher li ma jagħtux piż biżżejjed għalih huwa proprju l-kontra għax hemm diskussjoni ħajja u kostanti għaddejja. Mhux neċessarjament mismugħa, informata, u wisq inqas preparata imma attiva ħafna.
Kif tħabbar u tkabbar
F’dan huwa ċar u evidenti li l-partit irid jifhem li hemm bidla fil-mentalità li trid issir ftit aktar. M’aħniex fil-gvern u ma nistgħux naħsbu jew naġixxu aktar bħallikieku qegħdin hemm. It-tieni: m’aħniex ġabra ta’ partiti f’daqqa f’wieħed. Fis-sens li kull kandidat, minn fuq s’isfel, mhuwiex la xi forma ta’ monarka u lanqas waħdu, imma huwa f’daqqa ma’ oħrajn bħalu.
Lanqas, fit-tielet, ma tista’ tibqa’ għaddejja l-mentalità ta’ dawk li jħallu lill-oħrajn jgħidu u jinjoraw l-argumenti li jressqu. Ħafna, fil-bażi, proprju fuq dan issibhom jiddiskutu u jilmentaw. Għax biex l-uffiċjal tal-partit jew id-deputat jew il-kunsillier jimxi ma jistax jitlaq għal rasu, imma jrid ikollu l-bażi elettorali warajh. Irid jitlaq billi jħares sew lura u jifhem il-polz politiku u mhux jitlaq waħdu fl-immaġinazzjoni li b’dak li se jgħid jew jagħmel se jġib lil ħafna jiġru warajh. Għax f’dan isib minflok lil min ma tantx jaqbel u jikteb fil-mezzi varji soċjali u tradizzjonali daqqa bid-diplomazija u daqq’oħra b’ferm inqas f’dak li jaħseb.
Snakes and Ladders
Hemm din il-logħba ta’ kif titla’ ’l fuq u tinżel malajr ’l isfel li ħafna ma jeħdux. Jaħsbu fil-pariri tal-mument u impulsivi tagħhom li tista’ tixħet id-dadi u taħseb li inti tant tajjeb u kapaċi li se tikkontrolla li ġġib in-numru minn wieħed sa sitta preċiż. Mentri, kif naraw, dan ma jgħoddx għax il-politika hija xjenza ċara u mhux logħob tal-azzard.
Forsi inqas protagonisti, inqas diskors żejjed u inqas konfrontazzjoni inutli jafu jġibuna lura fil-konnessjoni mal-bażi Demokratika-Kristjana tal-partit. Pass lura huwa aħjar u fil-mument partikolari l-kawtela hija aktar determinanti. Anzi, is-silenzju aqwa. Aktar dożi fl-umiltà li wieħed jagħraf li huwa parti mill-partit sħiħ, u li mhuwiex waħdu. Is-sigriet li sarraf fit-tul fis-snin passati huwa proprju dan: li l-partit iħares li jkun Demokratiku-Kristjan fil-valuri tiegħu. Il-bnedmin jivvutawlu għax huwa dak tas-soluzzjonijiet fil-moderazzjoni, fl-attenzjoni tal-isfidi li l-poplu jaffronta u fil-valuri Nsara.
Linja politika
F’dawn il-jiem se jkun hemm għall-bejgħ il-ktieb Più Uno ta’ Ernesto Maria Ruffini (1969). Fih, dan l-avukat intelliġenti jgħidilna: “Perché l’unico modo di andare avanti è farlo insieme, in prima personale plurale. Ogni giorno, più uno!” Dak li aħna wkoll nagħrfu, għax aħna parti mill-wirt ta’ linja politika ċara, stabbli u kostanti. M’hemmx bżonn nibdlu dak li ħadem imma li nħaddmu wkoll tajjeb dak li għandna. F’dan wieħed irid jibda billi jmur lura lejn il-bażi tal-partit. Wieħed minn fost il-bażi, il-Ħadd li għadda fl-Independent qalilna: “Grassroots engagement cannot be an afterthought.” Għandu raġun. Irid jiġu koltivat, impenjat u involut.
Biss dan jeħodna għat-tieni punt fil-pariri ta’ Quintus Tullius Cicero: kif iżżid il-kunsens elettorali. Kif ukoll ġustament irrimarka dan il-kittieb, ċertament għax irid il-ġid u jrid li l-pożizzjoni tinbidel fiż-żieda: “People will not vote for an opposition that merely reacts to Labour mistakes. They will vote for a party that inspires confidence, offers proper solutions and addresses their concerns.”
F’dan proprju tinsab miftuħa l-isfida tagħna ’l quddiem.
Nikteb
F’dan għalhekk nersaq nikteb dan l-artiklu bi ħsieb ċar. Dak li nkompli ngħin aktar biex il-partit li ili nimmilita fih ikun f’pożizzjoni politika aħjar. Ili nagħti sehmi għax nemmen li hu strument ta’ bidla. Nista’, kif nintalab ukoll, li nħalli kollox għaddej. Imma jekk irridu nġibu progress f’dan il-pajjiż naħseb li dik mhijiex il-pożizzjoni politika ġusta.
Nemmen li rridu ninvolvu aktar bnedmin u nifhmu li min jikteb irid l-affarijiet sewwa u jrid jieħu sehem fil-proċess biex dawn jinbidlu. Nemmen li l-bażi elettorali tal-partit għandha ħafna xi tgħid, li trid ħafna iktar mingħandna u dan għax trid bidla fil-Gvern tal-ġurnata. X’partit inkunu mingħajr bażi, u daqshekkieħor jekk sentejn qabel l-elezzjoni ġenerali, li huma determinanti għall-futur, ma nassigurawx il-parteċipazzjoni attiva tagħha?
Ejja nifhmu li din il-bażi għandna vuċi u ejja nifhmu li għandna nagħtuha widen.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 25 ta’ Marzu, 2025.
//= $special ?>