Opinjoni

OPINJONI: Mhux se naċċettaw li Malta tinbidel f’dittatorjat

Il-Partit Nazzjonalista kontinwament jimbotta diskussjonijiet fil-Parlament biex jindirizza l-problemi tal-familji Maltin u Għawdxin

minn Rebekah Borg
Shadow Minister għall-Ambjent

Apparti l-kwistjonijiet nazzjonali, nagħtu vuċi wkoll lil suġġetti li ma jingħatawx l-attenzjoni li jixirqilhom minn Gvern Laburista. Dawn huma t-temi li nisimgħu direttament min-nies meta nkunu qed niddjalogaw magħhom f’darhom.
Bħal sħabi d-deputati, naf li dan huwa dmiri biex nismagħkom, nużaw l-esperjenza tagħna biex nifhmu x’hemm ħażin, nipproponu, u nwasslu dan kollu l-Parlament biex iż-żewġ naħat isibu soluzzjonijiet. Imma kif jista’ jkun hemm diskussjoni sinċiera meta l-Gvern jagħlaq il-bibien għall-opinjonijiet li ma jaqblux miegħu?
Meta jkollok quddiemek Gvern Laburista li b’mod ċar u trasparenti ma jimpurtahx minn dak li għandek xi tgħid, u minflok juża l-ħin tal-Parlament biex jivvinta mozzjoni ddisinjata bħala attakk dirett fuqna, kif nistgħu nieħdu sehem f’diskussjoni bħal din? Għalhekk ħriġna mill-Parlament.
Il-Partit Nazzjonalista jopponi b’saħħa kull attentat li jhedded jew idgħajjef id-demokrazija. Ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem dan it-tkissir sistematiku tal-valuri demokratiċi li fuqhom hija mibnija pajjiżna. Il-Parlament m’għandux isir għodda ta’ intimidazzjoni u vendikazzjoni li trażżan l-Oppożizzjoni – u ċertament mhux għal Prim Ministru bħal Robert Abela, li moħħu biss fl-interessi partiġjani tiegħu.

Niġġieldu l-abbuż tal-poter
Dan hu abbuż ta’ poter. Minflok jiddiskuti l-isfreġju ambjentali jew il-piż tal-għoli tal-ħajja, juża l-Parlament biex jiżgura li ħadd ma jista’ jiqfilhom għall-korruzzjoni. Kif nistgħu nistennew li jilqa’ talba għal diskussjoni dwar id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw il-familji Maltin, jekk hu stess ma jistax jirrelata ma’ din ir-realtà? Il-Prim Ministru qed ikompli jikkonferma kemm mhuwiex denju għal kariga fejn suppost jaħdem għall-ġid tal-poplu kollu, bla favur u mingħajr ma jħares lejn ilwien politiċi.
Il-politika li jħaddan Robert Abela hija, kif jgħidu bl-Ingliż, surface level – vojta mill-profondità u mis-sustanza. Kull nhar ta’ Ħadd, imur quddiem niesu jippontifika dwar kemm hu kapaċi jieħu deċiżjonijiet, iżda mbagħad, meta jasal quddiem l-Unjoni Ewropea, jintilef kompletament. Mhux biss bin-nuqqas ta’ preparazzjoni teknika, imma lanqas jifhem is-serjetà u l-gravità tas-sitwazzjoni li qiegħed jiffaċċja.
Jekk tisma’ l-Prim Ministru jitkellem, taħseb li l-Ewropa kollha qegħda fuq ix-xwiek tistenna r-reazzjoni tiegħu. Ir-realtà, però, hija ferm differenti. F’Malta jilgħabha tal-bully għall-voti, iżda barra, meta jiġi għall-mument tal-prova, jintilef. Il-Prim Ministru jrid jieqaf jirreċta u jiftakar għalxiex qiegħed hemm.
Kull min ra l-Oppożizzjoni toħroġ mill-Parlament jaf li dan sar mhux bi qżież jew pika, imma biex nuru li l-Partit Nazzjonalista mhux se jibqa’ sieket quddiem Gvern li jipprova jfarrak lil kull min ma jaqbilx miegħu. Anke jekk dawk in-nies qed jużaw il-Parlament biex jitkellmu f’isem il-poplu. U dan, in-nies fehmuh.

Kumitat Fantażma
Fl-istess waqt li l-Gvern kien qed juża l-Parlament għall-interessi tiegħu, il-Kumitat Permanenti għall-Ħatriet Pubbliċi, li jien parti minnu, ġie mitlub jiddiskuti u japprova l-ħatra ta’ Carmen Ciantar bħala Chairperson Eżekuttiv tal-MCCAA. Imma din kienet diġà okkupat il-kariga minn xhur qabel il-Kumitat saħansitra ltaqa’ biex jiddiskuti u jivvota fuqha. Jien, flimkien mal-kollegi l-Onorevoli Adrian Delia u l-Onorevoli Julie Zahra, irrifjutajna li nkomplu b’din il-farsa u tlabna ssir investigazzjoni biex nifhmu min verament qed jokkupa din il-kariga.
Din hija konferma oħra, jekk kien għad fadal bżonnha, ta’ kemm il-Gvern ta’ Robert Abela jgħaddi romblu minn fuq il-Parlament u l-Kumitati tiegħu. Jistenna li dawn ikunu biss rubber stamp għal dak li jkun iddeċieda hu waħdu, mingħajr kontestazzjoni jew diskussjoni.
Imma l-Oppożizzjoni mhix se taċċetta dan. Minkejja li l-Gvern għandu magna tal-propaganda b’saħħitha warajh, in-nies qed jagħrfu d-differenza bejn naħa li tostakola d-diskussjoni u naħa li qed tipprova tiddjaloga biex il-verità toħroġ.
Il-Partit Nazzjonalista mhux se jibża’ jew jiskot. Mhux se jħalli lil ħadd jagħlaqlu ħalqu. Bħala rappreżentanti tal-poplu, mhux se naċċettaw li Malta tinbidel f’dittatorjat fejn l-Oppożizzjoni tiġi attakkata għax tagħmel xogħolha.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 23  ta Marzu, 2025.