Wara li lbieraħ fil-Parlament Robert Abela nqabad fuq sieq waħda meta mistoqsi dwar il-parteċipazzjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta fit-taħriġ ta’ eluf ta’ suldati Ukreni, il-Partit Nazzjonalista u l-poplu Malti qed jistennew dikjarazzjoni ċara mill-Prim Ministru.
Jekk Abela jrid jittieħed bis-serjetà, u jekk jaf x’qed jiġri, irid jagħti rendikont lill-poplu Malti kollu.
F’konferenza tal-aħbarijiet ix-Shadow Ministers Darren Carabott, Beppe Fenech Adami u Mario De Marco spjegaw kif Robert Abela t-Tnejn waranofsinhar fil-Parlament ikkonferma li Malta qed tieħu sehem fil-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-UE fl-Ukrajna. Biex għamel hekk, imma, kellu jikkonsulta lill-Ministru li kien qed jibgħatlu r-risposti bil-mobile dak il-ħin stess għall-mistoqsija li għamillu x-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà Darren Carabott.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet ta’ dalgħodu t-tliet Shadow Ministers staqsew jekk il-Prim Ministru Robert Abela kienx jaf dwar dan kollu u ħeba l-informazzjoni mill-poplu?
Inkella għandniex Prim Ministru li ma għandux idea x’qed jiġri fil-Gvern tiegħu, tant li kif ammetta hu stess dak il-ħin kellu jaqra r-risposta li bagħatlu l-Ministru Byron Camilleri mill-mobile fil-Parlament?
Li hu żgur hu li Robert Abela issa tilef kull kontroll.
Id-Deputati Nazzjonalisti spjegaw ukoll kif sal-lum il-Gvern għadu ma kkonfermax minn meta Malta ilha tipparteċipa f’dan it-taħriġ ta’ eluf ta’ suldati Ukreni li qed jingħata fir-Renju Unit.
Sal-bieraħ il-poplu Malti ma kien jaf xejn dwar dan kollu u kellha tkun l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li tikxef din l-istorja fil-Parlament.
Issa li nqabdu, tal-Labour qed joħorġu b’ħafna skużi imma l-fatt jibqa’ li minkejja dak kollu li ilu jgħid Abela dwar id-difiża u s-sigurtà u li Malta mhix se tipparteċipa fl-ebda gwerra, il-Gvern Laburista aċċetta li jipparteċipa u jibgħat uffiċjal tal-Forzi Armati ta’ Malta biex jikkordina t-taħriġ ta’ eluf ta’ suldati Ukreni.
Li kieku s-suldati Maltin qed jagħmlu biss xogħol amministrattiv, għalfejn qed jintbagħat uffiċjal militari bl-uniformi tal-Forzi Armati ta’ Malta, staqsew il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Nazzjonalista iserraħ ras is-suldati u l-uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta, li b’differenza mill-Gvern Laburista, Gvern ġdid Nazzjonalista jinvesti fihom, fl-apparat u fit-taħriġ tagħhom, u jerġa’ jibni mill-ġdid ir-reputazzjoni li tixraq lill-Armata tagħna. Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jistqarr li investiment fid-difiża u s-sigurtà ta’ Malta u tal-Ewropa hu investiment fil-futur ċert ta’ Malta u tal-Ewropa.
Li żgur ma jagħmilx Gvern Nazzjonalista hu li jarmi s-sagrifiċċji li qed jagħmlu l-membri tal-Forzi Armati Maltin, kif qed jagħmel bil-U-turns kontinwi tiegħu l-Gvern Laburista ta’ Robert Abela meta jgħid ħaġa filgħodu u jagħmel oħra filgħaxija; meta jitkellem mod f’Malta u jagħmel mod ieħor fi Brussell.
Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja wkoll lil dawk kollha li għax jemmnu fis-sewwa u għax iridu verament il-ġid lil pajjiżna qegħdin jersqu ’l quddiem bl-informazzjoni u jgħadduha lill-Partit Nazzjonalista dwar kif qed jaħdem bil-moħbi l-Gvern Laburista.
Dak li kien żvelat ilbieraħ fil-Parlament, u li qabad lill-Prim Ministru Robert Abela fuq sieq waħda, huwa każ minnhom.
//= $special ?>