Internazzjonali

Stati Uniti: pjani militari jispiċċaw illikjati minn group chat

L-amministrazjoni ta’ Trump qed taffaċja sejħiet għal investigazzjoni wara li l-editur tal-gazzetta The Atlantic, Jeffrey Goldberg, gie miżjud f’chat fejn 18 uffiċjali ta’ Trump kienu qed jiddiskutu pjan għal attakki mill-ajru fuq il-grupp tal-Houthi fil-Jemen.

F’dan il-grupp kien hemm fost l-oħrajn il-Viċi President Amerikan JD Vance, u fih kien qed jiġi diskuss dan il-pjan li essenzjalment ifisser il-bidu ta’ gwerra ġdida.

L-editur ta’ The Atlantic qal li hu rċieva ‘request’ fuq Signal minn Mike Waltz.

Imbad fit-13 ta’ Marzu ġie miżjud fuq iċ-chat bl-isem “Houthi PC small group”. Ironikament, Mike Waltz hu l-konsulent tas-sigurtà nazzjonali.

Minbarra l-Viċi President Amerikan JD Vance, din iċ-chat tinkludi wkoll lis-Segretarju tad-Difiża Pete Hegseth u d-direttur tal-intelliġenza nazzjonali Tulsi Gabbard.

Goldberg sostna li għal bidu ma bediex jemmen li din iċ-chat hi vera. Iżda meta sar jaf bl-attakki sagħtejn qabel ma saru fil-15 ta’ Marzu, hu seta jivverifika li din iċ-chat kienet ġenwina.

Wara li sar l-attakk fuq il-Houthi, iċ-chat imtela b’messaġġi fejn il-membri faħħru x-xogħol li sar wara dan l-attakk – li fih inqatlu mal-53 persuna.

L-editur ħareġ mill-grupp wara li sar jaf li ċ-chat kienet ta’ veru, u mbad ikkuntattja lil uħud mill-uffiċjali fil-grupp għal kumment.

Apparti li ċ-chats jikxfu l-pjanijiet tal-attakki, l-uffiċjali kienu qed jgħajru lill-Ewopa bħala “patetika”. Dan filwaqt li ddiskutew pjanijiet biex l-Ewropa potenzjalment tħallas għall-protezzjoni tal-Istati Uniti tar-rotot ewlenin tat-tbaħħir.

Jidher li dan il-leak xejn ma niżel tajjeb ma’ Donald Trump, b’analisti jgħidu li issa taqgħet il-maskra tiegħu dwar il-gwerer.