Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ t-tnedija tal-Istrateġija tal-Edukazzjoni Diġitali li hija kompatibbli mal-viżjoni tiegħu għall-qasam edukattiv.
Il-PN afferma kemm-il darba li waħda mill-miri ewlenin fil-viżjoni tiegħu għal dan il-qasam hija l-Edukazzjoni Diġitali, b’konsistenza mal-pjan Ewropew tal-Edukazzjoni Diġitali li jistabbilixxi żewġ prijoritajiet strateġiċi biex tinħoloq viżjoni komuni ta’ edukazzjoni diġitali ta’ kwalità għolja, inklużsiva u aċċessibbli fl-Ewropa.
Għalhekk, f’konformità mal-prijoritajiet ewlenin: it-trawwim tal-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ edukazzjoni diġitali bi prestazzjoni għolja u t-tisħiħ tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali rilevanti għat-tranżizzjoni diġitali, kull strateġija li ssaħħaħ it-tagħlim diġitali fl-iskejjel tikkonsolida l-importanza diġitali u teknoloġika fis-sistema edukattiva lokali u tajjeb li tkun imħaddma minn etajiet bikrin.
Biex din l-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali tkun implimentata, il-Gvern irid jassigura li primarjament l-għalliema u l-edukaturi jkunu mogħtija aċċess sħiħ għall-għodod diġitali eżistenti, taħriġ kontinwu u fuq kollox assistenza speċifika.
Madanakollu l-Partit Nazzjonalista huwa mħasseb dwar il-fatt li ħafna skejjel tal-Istat, imma anke dawk tal-Knisja u tal-Privat ma għandhomx biżżejjed assistenza u riżorsi umani għad-dispożizzjoni tagħhom biex l-edukazzjoni diġitali tingħata l-attenzjoni li hija vitali fid-dinja tal-lum. Għaldaqstant, huwa importanti ħafna li l-implimentazzjoni ta’ din l-Istrateġija tkun imsejsa fuq prassi prattiċi li diġà tħaddmu u qegħdin jitħaddmu f’diversi skejjel lokali.
Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi jekk id-Dipartiment tal-Litteriżmu Diġitali għandux biżżejjed riżorsi umani biex iġib ’il quddiem il-bidla li rridu naraw u allura l-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija proposta. Huwa evidenti li tentattivi oħrajn fil-passat ma rnexxewx biżżejjed tant li ħafna għalliema u edukaturi ma baqgħux jużaw l-għodod diġitali (inkluż it-tablets) fil-klassijiet minħabba diversi raġunijiet fosthom diffikultajiet bis-sistema distributorja fl-iskejjel li mhux dejjem tgħin sabiex jirrenjaw atmosfera u ambjent diġitali.
Għaldaqstant il-Gvern irid jassigura li jkunu indirizzati bil-quddiem il-problemi tekniċi eżistenti u jipprepara għal dawk eventwali u, biex dan isir kull skola jrid ikollha sistema robusta biex il-klassijiet kollha jkollhom aċċess għal internet adegwat konsistentement. Iridu jkunu indirizzati wkoll problemi li jmorru lil hinn mill-klassijiet u mill-iskejjel, jiġifieri dawk marbuta mas-sostenn mid-dar għal studenti li għandhom sfond soċjo-ekonomiku differenti, speċjalment dawk li kienu ta’ sfida sa minn meta ddaħħlu t-tablets fil-klassijiet.
Fl-istess waqt, il-Gvern irid jiżgura li l-għalliema u l-edukaturi jingħataw aktar flessbbiltà biex jimplimentaw it-tagħlim diġitali propost, u dan irid isir billi s-sillabi eżistenti jkunu riveduti, aġġornati u/jew imnaqqsa biex jagħtu aktar spazju għall-ħiliet transversali li jirrikjedi t-tagħlim diġitali għaż-żminijiet tal-lum. B’hekk, irid ikun aċċertat ukoll li l-għalliema u l-edukaturi jingħataw l-assistenza u l-appoġġ b’mod wiesa’ biex jaħdmu f’kollaborazzjoni mal-għalliema tal-IT u peripatetiċi.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li biex din l-Istrateġija tkun implimentata bis-sħiħ, il-pajjiż irid jinvesti fit-tul. Għalhekk għandha tkun ikkunsidrata skola speċjalizzata għall-Edukazzjoni Diġitali; it-tagħlim diġitali jkun inkorporat kompletament fil-kurrikulu; jissaħħu l-programmi ta’ litteriżmu diġitali anke għall-ġenituri u l-kustodji; u tingħata aktar viżibbiltà lill-importanza li kull tifel u kull tifla jkollhom ċittadinanza diġitali biex jikbru f’komunità online b’responsabbiltà.
//= $special ?>