Internazzjonali

Gaza: Protesta rari u akkużi mill-Palestinjani kontra l-grupp Ħamas

Il-Palestinjani f’Gaza mexxew protesti pubbliċi rari kontra l-grupp terroristiku tal-Ħamas – fost l-insistenza biex il-militanti jtemmu l-gwerra ma’ Iżrael u jitilqu mit-territorju inkwistjoni.

Il-protesti jistgħu wkoll jitqiesu bħala mingħajr preċedent, b’mijiet ta’ Palestinjani jimmarċjaw f’dimostrazzjoni kontra l-gwerra fl-inħawi ta’ Beit Lahiya – Belt li nqerdet kważi għal kollox mill-missili tal-Iżraeljani.

Il-protesti bdew fin-naħat ta’ fuq ta’ Gaza u sakemm infirxu lejn bnadi oħra tat-territorju – inklużi z-zoni ta’ Khan Younis lejn in-Nofsinar.

Intant, kien hemm anki każi fejn is-sostenituri tal-Ħamas ippruvaw inaffru l-folol li attendew għall-protesti. Madankollu, il-Palestinjani komplew jisfidaw lis-sostenituri fejn mhux biss sejħu għall-paċi f’Gaza iżda akkużaw ‘ċar u tond’ lit-terroristi tal-Ħamas bħala l-kaġun tal-konflitt ma’ Iżrael.

Il-gruppi favur id-drittijiet umani qed jakkużaw lill-Ħamas dwar metodi vjolenti għat-trażżin tal-protesti fiz-zoni kontrollati minnhom, kif ukoll dwar it-tortura ta’ kritiċi u sistemi li jaċċertaw il-priġunerija tal-Palestinjani li ma jaqblux magħhom.