Nhar is-Sibt, 29 ta’ Marzu, fl-10am, koalizzjoni ta’ għaqdiet qed jistiednu l-pubbliku għat-tnedija tal-kampanja Manoel Island: Post Għalina. Il-kampanja se tkun qed twassal messaġġ favur il-ħolqien ta’ park miftuħ għal kulħadd f’Manoel Island.
Il-konċessjoni bejn il-Parlament Malti u l-MIDI biex Manoel Island tiġi żviluppata f’binjiet residenzjali u kummerċjali, bħalissa qed tiġi nnegozjata mill-ġdid. Għalhekk, bħalissa ninsabu f’mument uniku fejn għandna ċ-ċans inbiddlu l-futur ta’ Manoel Island; futur li minnu jista’ jgawdi kulħadd. It-talba prinċipali tal-kampanja qed tiġi ppreżentata f’forma ta’ Petizzjoni Parlamentari, u l-pubbliku huwa mħeġġeġ jiffirmaha u jxerridha: https://parlament.mt/en/petition?id=257
Il-kampanja — li hija mifruxa fuq skala nazzjonali u qed taspira li tgħaqqad komunitajiet differenti minn madwar Malta u Għawdex kollha wara għan wieħed — għandha l-mira li tnissel tama u aspirazzjoni fin-nies għal futur differenti. Il-kampanja trid tnissel ħolma f’qalb in-nies: ħolma ta’ spazju miftuħ f’nofs il-Port ta’ Marsamxett.
Manoel Island tinsab fil-qalba tal-aktar zona urbanizzata u mniġġsa f’Malta. Iz-zona tal-Port tat-Tramuntana joqogħdu fiha aktar minn 150,000 persuna, u tiġi ffrekwentata ta’ kuljum minn għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema u viżitaturi oħra. Id-densità tal-bini, il-konġestjoni ta’ traffiku, u n-nuqqas ta’ spazji ħodor u miftuħa, għalhekk, jagħmlu din iz-zona ideali biex fiha noħolqu park nazzjonali li huwa essenzjali għas-saħħa fiżika u mentali tagħna. Il-possibbiltà li Manoel Island tiġi ttrasformata fi spazju miftuħ li joffri serħan u rikreazzjoni tant bżonjużi fil-kuntest attwali f’pajjiżna, għalhekk, ma tistax tiġi injorata.
Manoel Island mhijiex kwistjoni limitata għall-Gżira biss, iżda hija kwistjoni li għanda tinteressa lill-pajjiż kollu. Malta hija l-aktar pajjiż urbanizzat u b’densità għolja ta’ popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea. L-attivisti qed jisħqu li s-sena 2025 qed tippreżentalna opportunità unika biex inbiddlu d-direzzjoni ta’ pajjiżna u l-futur ta’ wliedna.
25 sena ilu, il-Parlament Malti kien ivvota b’mod unanimu biex Manoel Island tiġi ttrasferita lill-privat sabiex jiżviluppawha f’appartamenti lussużi, spazji kummerċjali, u stabbilimenti turistiċi. It-termini tal-konċessjoni li bihom huma marbutin il-MIDI tistipula li sa Marzu 2026 huma meħtieġa jlestu 85% tax-xogħol kollu fil-proġett ta’ Manoel Island. Jekk dawn it-termini ma jiġux sodisfatti, il-Gvern jista’ jannulla l-kuntratt tal-konċessjoni u jieħu lura Manoel Island.
Attwalment, il-MIDI għad m’għandhomx il-permess sħiħ li jippermettilhom jibdew bix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Ir-realtajiet ta’ pajjiżna fis-sena 2025 huma differenti ħafna minn dawk tas-snin disgħin, meta dan il-kuntratt kien qed jiġi mħejji. Għalhekk, l-attivisti qed jisħqu li dan iż-żmien ta’ rinegozjar tal-kuntratt jiftaħ opportunità sabiex il-pjan għal Manoel Island ikun wieħed li jirrifletti l-bżonnjiet tal-komunità preżenti u futura.
Is-Sibt 29 ta’ Marzu, Manoel Island se ssir post għal kulħadd — post fejn jiltaqgħu l-ħbieb, il-familji bit-tfal, u komunitajiet varji — biex inwasslu messaġġ ċar li Manoel Island tista’ ssir Post Għalina. Il-koalizzjoni ta’ għaqdiet qed jistiednu lill-pubbliku biex jattendi għat-tnedija ta’ din il-kampanja f’Manoel Island, sabiex tiġi ppreżentata b’mod uffiċjali t-talba prinċipali lill-Gvern: Manoel Island għandha ssir ta’ sjieda pubblika u tinbidel f’park pubbliku aċċessibbli għal kulħadd. Għaqdiet ta’ residenti, għaqdiet ambjentali, għaqdiet kulturali u għall-ħarsien ta’ wirt storiku, għaqdiet favur is-saħħa fiżika u mentali, u bosta komunitajiet oħra se jkunu qed jipparteċipaw f’din l-attività.
Il-Gvern ma jistax jinjora din l-opportunità unika. Jekk Manoel Island issir park pubbliku, ikun pass kbir fid-direzzjoni t-tajba, għall-kwalità tal-ħajja, għall-ambjent, u għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan huwa l-uniku ċans li għandna biex insarrfu din il-ħolma f’realtà u nagħtu nifs ġdid lil Malta.
Din il-kampanja hija mmexxija minn membri ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar u Moviment Graffitti. S’issa, ’il fuq minn 25 għaqda taw l-appoġġ tagħhom, fosthom: 7R Lifestyle Malta, ACT Malta, Azzjoni Tuna Artna Lura (ATAL), BirdLife Malta, ClimbMT, Din l-Art Ħelwa, Friends of the Earth Malta, Gabriel Caruana Foundation, Geġwiġija, Għawdix, The Grow 10 Trees Project, Inħobbu l-Gżira, Il-Kollettiv, Kreattivisti MCAST ICA, Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, Malta Rangers Unit, Malta Rock Climbing Club, Marsaskala Residents Network, Nature Trust – FEE Malta, PEN Malta, Richmond Foundation, Rota, Sliema Residents Association, Residenti Beltin, Wied ta’ Irmiedi Rewilding Project, Wirt iż-Żejtun u Young Progressive Beings.