Lokali

Ħadd ma weġġa’ wara li sfronda saqaf fil-Mosta

L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) qed jinvestigaw inċident fi propjetà residenzjali, fi Triq l-Isperanza, fil-Mosta.

F’dan l-inċident waqa’ saqaf ta’ proprjetà li maġenbha hemm sit ta’ kostruzzjoni. Fortunatament, ħadd ma’ weġġa’ f’dan l-inċident.

Skont numru ta’ rapporti, fid-dar fil-ħin tal-inċident kien hemm raġel, kif ukoll kelb.

Ir-raġel sema’ ħoss qawwi, u ingħata ordni biex għalissa ma jersaqx lejn id-dar.

B’rabta ma’ dan l-inċident, iż-żewġ awtoritajiet flimkien ħarġu ordni sabiex ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jieqfu minnufih. Din l-ordni se tibqa’ fis-seħħ sakemm isir assessjar tal-miżuri ta’ sigurtà u konformità mal-liġijiet u r-regolazzjonijiet.

Riċentament, l-istess awtoritajiet investigaw każ ieħor ta’ saqaf li sfronda f’Tal-Pietà fejn ukoll kien għaddej xogħol ta’ bini. Dan apparti li din il-ġimgħa, fil-Qawra, ċediet gallarija waqt li fiz-zona għaddejin xi xogħlijiet.