Lokali Parlament

Hemm 1,700 każ fil-lista ta’ stennija għal djar soċjali

Ivan Bartolo, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal fil-Parlament li minkejja l-wiegħda li kien għamel qabel l-elezzjoni li se jkun hemm iktar units minn aplikazzjonijiet, il-verità hi li llum hemm 1,700 każ ta’ stennija għal akkomodazzjoni soċjali.

Ivan Bartolo qal li fl-aħħar budget il-Ministru Clyde Caruana kkonferma li l-faqar daħal fid-dar ta’ 100,000 familja. Hu kompla li dawn il-100,000 għandhom 200,000 dipendenti, li jinkludu tfal. Fost dawn hemm il-faxxa ta’ persuni li huma dipendenti fuq l-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli. L-iżvilupp ta’ djar soċjali ġej mill-għajnuna tal-gvern ċentrali li jkollu objettivi dwar fejn irid jasal.

Ivan Bartolo qal l-iskema Kiri għenet biex tissaħħaħ l-Awtorità tad-Djar fid-disgħinijiet fejn il-gvern kien naqqas l-allokazzjoni ta’ plots li kienu ngħataw. Hu sostna li kienu saru diversi sforzi biex tkun introdotta sistema ta’ punti biex ikun identifikat min kien l-aktar fil-bżonn fid-djar. Dan wassal biex kien hemm skemi favur persuni b’diżabbiltà u biex il-gvern kien jikri djar mingħand il-privat u dawn jerġgħu jinkrew bi prezzijiet irħas. Din l-iskema kienet tiġi kritika mill-Oppożizzjoni Laburista biex issa l-Gvern Laburista spiċċa jżomm din l-iskema iżda biddlilha isimha.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li mill-1992 u l-1996 telgħu diversi blokok fosthom f’Bormla u sar il-proġett ta’ djar fl-Imtarfa, l-Imsida, il-Mosta u lokalitajiet oħra. Għall-Awtorità tad-Djar l-1995 kienet kruċjali minħabba r-riforma tal-Pre-95 Rent li l-Oppożizzjoni Laburista kienet kontriha. Gvern Nazzjonalista kien ta garanzija li meta inkwilin imut il-propjetà taqa’ mill-ewwel għand is-sidien. Gvern Laburista fl-2020 kompla jtejjeb din il-liġi fuq dak li beda Gvern Nazzjonalista.

Ivan Bartolo semma’ x-xogħol minn gvernijiet Nazzjonalisti li kien sab fl-1987 u 52,000 file marbuta ma’ ordnijiet ta’ rekwiżizzjoni. Fl-2013 dawn kienu tnaqqsu għal 3,000 file. Hu kompla li Gvern Nazzjonalista kien sab problemi bin-numru ta’ plots privati li kien il-gvern Laburista biex qassamha lil min ried hu. Il-PN hu differenti minn min jaħseb li x-xemx telgħet mill-2013 ‘il hawn.

Meta tkellem dwar is-sitwazzjoni llum, hu qal li l-gvern jagħti l-impressjoni li iktar se jkun hawn units minn listi ta’ stennija li kellha tinżel għal 800 każ. Illum hemm 1,700 każ fil-lista ta’ stennija għal djar soċjali, sostna Ivan Bartolo, li staqsa x’sar minnhom il-proġetti tad-djar fir-Rabat qabel l-elezzjoni. Hu staqsa x’sar mit-tieni fażi tal-proġetti f’Bormla, l-Imsida u s-Siġġiewi li suppost tlestew fl-2024.

Hu tkellem ukoll dar il-mod kif qed jogħlew il-krijiet tal-postjiet u sostna li l-amministrazzjoni għandha twieżen lill-batut. Hemm ukoll lista ta’ stennija ta’ persuni li jixtiequ u għandhom bżonn jibdlu l-appartament tagħhom. Il-kirijiet għolew minn 100 għal iktar minn 160 f’disa’ snin, sostna Ivan Bartolo li qal li dan qed iwassal għal problemi kbar fis-settur soċjali.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-kirjiet huma esaġerati iżda l-postijiet huma żgħar ħafna bil-konswegwenza li qed jinħolqu sfidi soċjali. Jirriżulta li t-tfal li kienu jgħixu f’diffikulatjiet telgħu minn 23% għal 25% waqt li fl-anzjani dawn żdiedu minn 17% fl-2013 għal 31.4% illum. Dawk li jaqilgħu inqas minn €10,000 illum telgħu għal 105,466. Il-faċilitajiet tal-YMCA llum kollha mimlija fejn minn 52 sodda hemm 12 minnhom li huma tfal. Il-YMCA jaqdu wkoll 70 persuna kuljum lil persuni li għandhom bżonn. Ma’ dawn iridu jiżdiedu l-għaqdiet volontarji oħra li jgħinu mijiet ta’ persuni vulnerabbli oħra. Hu qal li l-inizjattivi li qed jagħti l-gvern mhijiex biżżejjed biex tlaħħaq mal-ispejjeż dejjem jiżdiedu.

Id-deputat Nazzjonalista semma’ l-mod kif qed tonqos il-kwalità tal-ħajja u qal li jeħtieġ li jkun hemm bidla fil-mudell ekonomiku biex il-klassi tisfel ma tkomplix issofri. Dan flimkien maż-żidiet fil-prezzijiet, kif ikkonferma l-Ministru tal-Finanzi nnifsu; liema żidiet fil-prezzijiet qed ikissru liż-żgħir.

Ivan Bartolo qal li dan qed iwassal biex il-poplu Malti hu fost l-iktar poplu li mhuwiex kuntent f’pajjiżu; proprju minħabba l-problemi li hawn fil-kwalità tal-ħajja.