Kummerċ Lokali

Il-BOV iħabbar profitti u divedendi rekord għall-2024

Qligħ qabel it-taxxa ta’ €302.4 miljun u ħlas tad-Dividend Gross ta' €130.7 miljun

Il-Bank of Valletta kiseb prestazzjoni rekord għas-sena finanzjarja 2024, bi profitt qabel it-taxxa ta’ €302.4 miljun li jirrifletti żieda ta’ 20.2% meta mqabbel mas-sena finanzjarja 2023.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet miċ-Chairperson tal-BOV Gordon Cordina, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia; u s-CFO Kevin Cardona.

Punti ewlenin huma:

  • Qligħ qabel it-Taxxa: Il-qligħ qabel it-taxxa għas-sena finanzjarja 2024 ammonta għal €302.4 miljun, ‘il fuq minn €251.6 miljun fl-2023, li jirrifletti żieda ta’ 10.1% fid-dħul operattiv u tkabbir ikkontrollat fl-ispejjeż.
  • Dividend: Il-Bord tad-Diretturi se jkun qed jirrakkomanda dividend gross finali ta’ €0.1314 għal kull sehem, li jġib id-dividend totali għas-sena finanzjarja 2024 għal €0.2238 għal kull sehem, żieda ta’ 92.5% mill-2023; dan huwa ekwivalenti għal distribuzzjoni ta’ €76.7 miljun mill-profitti tat-tieni nofs tas-sena (€49.9 miljuni netti). Flimkien mad-distribuzzjoni interim, il-ħlas gross totali tad-dividend jammonta għal €130.7 miljun (€84.9 miljuni netti).
  • Ħruġ ta’ Ishma Bonus: Il-Bord se jirrakkomanda wkoll ħruġ ta’ ishma bonus ta’ sehem (1) għal kull għaxar (10) ishma miżmuma. Dan hu soġġett għal approvazzjoni regolatorja.
  • Share Buy-Back: Il-Bord se jkun qed jipproponi inizjattiva ta’ share-buyback biex tiżdied il-likwidità tal-istrument ta’ ekwità tal-Bank fis-suq, mingħajr ma jiġu kkanċellati l-ishma. Din hija soġġetta għal approvazzjoni regolatorja.
  • Ħruġ ta’ Bonds: Il-Bord se jkun qed jikkunsidra wkoll ħruġ ulterjuri ta’ Bonds (Segment 2) mill-programm tal-Euro Medium Term Bond (EMTB) sa €250 miljun.
  • Tkabbir fil-Karta tal-Bilanċ: Il-karta tal-bilanċ tal-Bank kibret għal €15-il biljun (67.1% tal-PDG, u 107% dik tal-istituzzjonijiet l-oħra kollha flimkien orjentati lejn is-suq domestiku), filwaqt li l-kreditu kiber b’€700 miljun matul is-sena, bir-rati tal-imgħax tal-Bank jibqgħu fost l-aktar baxxi fiż-żona Ewro.

Il-prestazzjoni tal-Grupp BOV kienet immexxija minn strateġija li timmira fuq il-ġestjoni tad-dħul kif ukoll l-ispejjeż. Id-dħul operattiv totali għas-sena finanzjarja 2024 ammonta għal €485.8 miljun, żieda ta’ 10% mis-sena ta’ qabel. Dan kien xprunat mill-espansjoni tal-portafolli tas-self, dħul nett mill-miżati u l-kummissjonijiet imtejjeb, u attività sostnuta tat-teżor biex tkompli l-investiment fi strumenti finanzjarji ta’ kwalità għolja.

Gordon Cordina

Frott ta’ snin ta’ trasformazzjoni

Gordon Cordina rrifletta fuq ir-riżultati miksuba mill-Grupp BOV fl-2024 hekk kif iċċelebra 50 sena ta’ servizz lill-komunità u lill-ekonomija Maltija. “Ir-riżultati eċċellenti tal-Bank of Valletta huma l-frott ta’ snin ta’ trasformazzjoni li raw lill-Bank isolvi l-isfidi tal-passat u jisfrutta opportunitajiet ġodda fost dinamika esterna kumplessa fuq il-fronti regolatorji, finanzjarji, ekonomiċi u teknoloġiċi. Aħna nkomplu niffokaw l-isforzi tagħna fuq it-twassil ta’ valur għall-azzjonisti, immexxija minn ġestjoni prudenti tal-kapital kif ukoll inizjattivi strateġiċi u sostenibbli. Id-dividend li qed inħabbru llum, li huwa wieħed mill-aktar pagamenti ta’ dividend b’saħħithom, kif ukoll il-ħruġ ta’ bonus shares, li huma soġġetti għal approvazzjoni regolatorja, huma premju ġust  għall-fiduċja tal-azzjonisti tagħna u jirrifletti d-dedikazzjoni tagħna biex inżommu istituzzjoni sigura u profittabbli.

Fix-xhur li ġejjin, il-Bank se jkompli jiffoka wkoll fuq materji komunitarji u ambjentali.