Fi tmiem sena ta’ ċelebrazzjonijiet li kkommemoraw il-50 anniversarju tiegħu, il-Bank of Valletta qed isaħħaħ l-impenn tiegħu lejn il-komunità bit-tnedija ta’ ‘Inħawlu Tbissim’, inizjattiva li għandha l-għan li tkattar l-għarfien dwar is-saħħa mentali u s-sostenibbiltà ambjentali. Dan qed iseħħ b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Richmond u ACT Malta.
Aktar għarfien dwar is-saħħa mentali
Il-BOV jirrikonoxxi l-importanza tas-saħħa mentali. Għaldaqstant, qed isaħħaħ il-kollaborazzjoni tiegħu mal-Fondazzjoni Richmond bil-għan li jipprovdi r-riżorsi meħtieġa u jqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-Bank qed iħeġġeġ biex ikun hemm konverżazzjonijiet miftuħa dwar is-saħħa mentali u jiżgura li dawk fil-bżonn ikunu jafu fejn għandhom ifittxu l-għajnuna. Bħalma sistema t’għeruq b’saħħitha tgħin pjanta tiffjorixxi, ir-reżiljenza mentali hija essenzjali għal komunità b’saħħitha u li tirnexxi.
Il-promozzjoni tas-sostenibbiltà ambjentali
Flimkien ma’ ACT Malta, il-BOV qed jippromwovi wkoll is-sostenibbiltà ambjentali permezz ta’ kampanja ta’ edukazzjoni dwar is-sinifikat tat-tħawwil u l-preservazzjoni ta’ speċi endemiċi. Bħala parti minn din l-inizjattiva, il-voluntiera tal-BOV żaru diversi postijiet madwar Malta u Għawdex, u qassmu boroż bi żrieragħ tal-pjanta Kromb il-Baħar — pjanta indiġena reżiljenti li tissimbolizza r-reżistenza, it-tiġdid u t-tkabbir. Bħalma din il-pjanta tifjorixxi f’kundizzjonijiet lokali, ‘Inħawlu Tbissima’ tħeġġeġ lill-pubbliku jieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħu kif ukoll l-ambjent ta’ madwaru għal ġejjieni aktar b’saħħtu u aktar sostenibbli.
Il-BOV jistieden lill-pubbliku biex jieħu sehem f’din il-kampanja billi jxerred l-għarfien u jieħu azzjoni dwar is-saħħa mentali u ambjent aktar b’saħħtu. Għal aktar informazzjoni dwar din l-inizjattiva, wieħed jista’ jsegwi l-mezzi soċjali tal-Bank of Valletta.
//= $special ?>