Sajjied Għawdxi full-time ġie mċaħħad minn post għall-irmiġġ, minkejja diversi wegħdiet minn qabel li sarulu mit-Taqsima Marittima li assigurawh li kien riservat post għall-opra tiegħu.
Dennis Calleja, ippreżenta protest ġudizzjarju kontra l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura, u Xogħlijiet Pubbliċi, u l-Avukat tal-Istat, fejn allega allokazzjoni inġusta ta’ rmiġġ fil-Port tal-Imġarr li għadu kif tkabbar.
Huwa qal li mhux ma żammx l-irmiġġ li kellu talli ngħata lil ħaddieħor u qalulu li d-dgħajjes privati jħallsu aktar mid-dgħajjes tas-sajjieda. Calleja ilu sajjied liċenzjat full-time mill-2008 u regolarment żamm id-dgħajsa tiegħu pparkjata fil-Port tal-Imġarr filwaqt li kien jagħmel użu mill-faċilitajiet disponibbli għas-sajjieda lokali.
Madankollu, wara espansjoni tal-port, sab ruħu mingħajr post għall-opra tiegħu minkejja assigurazzjonijiet minn qabel mill-awtoritajiet. Il-proġett infrastrutturali ta’ €6 miljun biex jissaħħaħ u jespandi l-Port tal-Imġarr kellu l-għan li jalloka 90 irmiġġ ġdid li kienu maħsuba speċifikament biex jakkomodaw sajjieda lokali.
Hekk kif il-proġett kien wasal biex jitlesta fl-2021, Calleja fittex li jiżgura post permanenti ta’ rmiġġ għall-bastiment tiegħu, ġie assigurat mill-Uffiċċju Marittimu fl-Imġarr, li l-opra tiegħu kienet diġà elenkata għal irmiġġ għalih, aktar u aktar peress li ilu bl-istatus ta’ sajjied full-time.
Madankollu malli tlestiet l-espansjoni, Calleja ġie infurmat li mhux se jiġi allokat post u minflok tpoġġa fuq lista ta’ stennija. Għalhekk, Calleja ġie mġiegħel ipoġġi l-bastiment tiegħu fl-‘Għadira’, post meqjus bħala mhux protett u mhux adattat għal bastiment ta’ sajjied full-time.
Wara dan, Calleja ffaċċja sfidi finanzjarji u operazzjonali serji bħal żieda fir-riskju ta’ ħsarat lill-bastimenti minħabba kundizzjonijiet ħorox tat-temp u spejjeż addizzjonali tal-fjuwil minħabba l-post inkonvenjenti tal-bastiment u diversi spejjeż oħra ta’ impjieg.
Calleja kellu wkoll imexxi l-opra tiegħu fuq l-art minħabba l-maltemp f’diversi okkażjonijiet li kellu impatt kbir fuq in-negozju tas-sajd tiegħu. Calleja skopra wkoll li ħafna rmiġġ ġew assenjati lil bastimenti privati jew kummerċjali, inklużi dgħajjes li huma proprjetà ta’ persuni mhux sajjieda.
Dgħajjes privati jħallu aktar flus minn opri tas-sajjieda
Meta Calleja qajjem il-frustrazzjoni tiegħu mal-Maritime Unit, ġie infurmat minn uffiċjal li l-irmiġġi ngħataw lir-residenti Għawdxin, anke lil dawk li ma kinux sajjieda. Qalulu wkoll li s-sidien tad-dgħajjes privati jħallsu miżati ferm ogħla mis-sajjieda u li m’hemmx spazju għal kulħadd.
Minkejja t-talbiet leġittimi tiegħu li l-ispazji tal-irmiġġ fil-Port tal-Imġarr kienu qed jingħataw lil min m’għandux dritt għalihom, l-inkwiet tiegħu waqa’ fuq widnejn torox. Dan kollu kien qed isir minkejja li l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li “l-port huwa maħsub biex iservi lis-sajjieda lokali li jaqilgħu l-għixien minnu”.
Barra minn hekk, waqt funeral tal-familja li kien qed isir f’Malta, Calleja ġie kkuntattjat mit-Taqsima Marittima u ġie mġiegħel jirritorna Għawdex biex imexxi l-bastiment tiegħu. L-uffiċjal tal-Uffiċċju Marittimu heddidu li se joħroġlu diversi multi jekk ma jneħħix id-dgħajsa tiegħu immedjatament.
F’Diċembru tal-2024, Calleja ma setax jiflaħ aktar stress bla bżonn u ddeċieda li jneħħi l-opra tiegħu mill-ilma għall-bqija tal-istaġun tax-xitwa. Għalhekk, l-avukati ta’ Calleja, Ann Fenech u Martina Farrugia, ikkontestaw formalment id-deċiżjonijiet tal-gvern fil-proċess tal-allokazzjoni tal-irmiġġ tiegħu u allegaw abbuż amministrattiv u ġestjoni ħażina tal-fondi tal-UE.
Calleja talab li l-Awtorità tirranġa s-sitwazzjoni minnufih billi tagħtih irmiġġ permanenti fil-Port tal-Imġarr u jekk le, iżżommhom responsabbli għad-danni li jkun diġà sofra u kull telf ieħor futur.