Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jaħbi d-dikjarazzjonijiet tal-assi u l-interessi finanzjarji tiegħu u tal-ministri tiegħu hi pass kbir lura fil-kwalità tal-governanza ta’ pajjiżna. Il-Prim Ministru ddefenda d-deċiżjoni tiegħu għax qal li se jirriforma d-dikjarazzjonijiet tal-Membri Parlamentari biex dawn isiru aktar dettaljati.
Fi stqarrija maħruġa mill-NGO Repubblika, ingħad li waqt li tajjeb naraw lid-Deputati jsiru aktar trasparenti, infakkru lill-Prim Ministru li l-Parlament ma jaqax taħtu. Hu biss membru tal-Parlament u bħala gvern hu jrid jagħti kont lill-Parlament, mhux il-Parlament lilu.
L-arroganza tal-Prim Ministru li jippretendi li jiddeċiedi hu kif il-Parlament jirregola lilu nnifsu hi perikoluża u antidemokratika. Il-Prim Ministru qal li ma jagħmilx sens li l-ministri jimlew żewġ formoli ta’ dikjarazzjonijiet, waħda għax ministri u l-oħra għax Deputati tal-Parlament. Il-fatt hu li bħala ministri għandhom opportunità ferm akbar ta’ korruzzjoni milli bħala Deputati u hu għalkollox ġust u proporzjonat li l-iskrutinju pubbliku jkun akbar fuq il-ministri.
Il-Prim Ministru qal li m’għandniex għalfejn naraw id-dikjarazzjonijiet tal-ministri għax rahom hu. Id-dikjarazzjonijiet mhumiex meħtieġa biex jissodisfaw il-kurżità tal-Prim Ministru. Huma meħtieġa biex permezz tal-għodda tat-trasparenza u l-accountability, il-pubbliku jkun jista’ jassigura l-integrità ta’ dawk li jafda bil-poter li jiggvernawh. U fuq kollox jekk il-Prim Ministru skrutinizza d-dikjarazzjonijiet tal-ministri, min skrutinizza d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru?
Minflok sema’ mir-rakkomandazzjonijiet tal-OECD biex iżid it-trasparenza tal-ministri, Robert Abela reġġa’ l-arloġġ tletin sena lura, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>