Illum aktar minn qatt qabel qed joħroġ dejjem iżjed b’mod ċar kemm il-Gvern Laburista hu maqtugħ mir-realtajiet u d-diffikultajiet tal-familji Maltin u l-isfidi li qed jiffaċċjaw, fosthom il-kriżi tal-ħajja dejjem togħla.
Waqt li l-aħħar statistika li ħarġet fl-aħħar jiem turi li l-ħajja qed tkompli togħla, b’żieda fir-rata tal-inflazzjoni matul Frar fuq ix-xahar ta’ qabel, il-Gvern qed ikompli jinjora s-soluzzjonijiet li qed joffrilu l-Partit Nazzjonalista biex jindirizza din il-kriżi.
Hekk għamel meta ftit ilu vvota kontra l-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar l-għoli tal-ħajja – mozzjoni li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet fil-Parlament fl-ewwel opportunità li kellha biex tiddiskuti dan is-suġġet fis-seduta ta’ kull sitt xhur riżervata għall-Oppożizzjoni. Mozzjoni b’soluzzjonijiet konkreti u kostruttivi li l-Partit Nazzjonalista poġġa fuq l-aġenda tal-Kamra biex joffri s-soluzzjonijiet tiegħu lill-Gvern ħalli jittaffa l-piż tal-prezzijiet dejjem jogħlew fuq il-familji u n-negozji – miżuri li qablu magħhom l-imsieħba soċjali kollha.
Fi stqarrija, Ivan Castillo, Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja, qal li fid-dawl ta’ ambjent ekonomiku fejn l-ispejjeż qegħdin dejjem jiżdiedu għal kulħadd, l-għaqdet li jirrappreżenaw lil min iħaddem u lill-ħaddiema ilhom iwissu li l-ispejjeż operattivi qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla, u li dan se jkompli jaffettwa direttament il-prezzijiet li jħallas il-konsumatur. Il-poplu qed iħoss dan il-piż kuljum – fil-kontijiet li jirċievi, meta jmur jixtri fil-ħwienet, fil-prezzijiet tal-mediċini, fil-prezzijiet tal-kera u f’dawk tal-proprjetà li jolqtu l-aktar liż-żgħażagħ li qed jippruvaw jixtru l-ewwel dar tagħhom. Il-Partit Nazzjonalista ħareġ bis-soluzzjonijiet għal dan, imma l-Gvern irrifjutahom.
Minkejja dawn it-twissijiet tal-imsieħba soċjali, il-Gvern Laburista huwa insensittiv għall-ħtiġijiet tan-nies u jinsisti li jibqa’ jintaxxa ż-żieda għall-għoli tal-ħajja (COLA), jirrifjuta li jindirizza ż-żidiet fil-prezzijiet relatati mal-importazzjoni u l-esportazzjoni, u jinjora din il-kriżi qisu ma teżisti l-ebda problema.
Dan meta l-istatistika turi b’mod ċar li l-ispejjeż fuq l-oġġetti essenzjali qed jibqgħu jogħlew xahar wara xahar.
Fi Frar, ir-rata annwali tal-inflazzjoni kif imkejla bl-Indiċi tal-Prezzijiet (RPI) telgħet għal 1.9%, meta mqabbla ma’ 1.4% f’Jannar, u din hija l-ogħla rata tal-għoli tal-ħajja mkejla f’pajjiżna minn April 2024 lil dawn.
L-ikbar kontribuzzjoni għal din iż-żieda ġejja mill-ikel, jiġifieri l-aktar prodotti essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum. Żidiet oħra sinifikanti kienu reġistrati fil-prezzijiet ta’ oġġetti personali u tas-saħħa, bħall-prodotti tal-iġjene. L-ebda kategorija tal-indiċi ma rreġistrat tnaqqis – jiġifieri l-għoli tal-ħajja qed jolqot kull aspett tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.
Waqt li l-Partit Nazzjonalista jifhem li hemm sfidi li jikkontribwixxu għall-għoli tal-ħajja li wħud minnhom ġejjin ukoll minn barra, xorta tibqa’ responsabbiltà tal-Gvern li jieħu azzjoni biex dawn jiġu indirizzati.
U l-aħħar ċifri huma xhieda ċara li l-għoli tal-ħajja mhux biss qed tippersisti, imma qed tiggrava. Imma l-Gvern ikompli jirrifjuta li jisma’ u jikkollabora, u jpoġġi l-interess tiegħu qabel dak tal-familji. Kuntrarju għall-Oppożizzjoni li qed tħoss il-polz tan-nies u tressaq l-inkwiet tagħhom fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Anke f’dan il-qasam toħroġ id-differenza ċara bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista – il-PN jaħseb fik u fil-familja tiegħek waqt li l-Labour jaħseb biss fih innifsu.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jieqaf iwebbes rasu u jadotta s-soluzzjonijiet konkreti li qed jiġu proposti. Jekk dan ma jseħħx, Gvern ġdid Nazzjonalista jwiegħed li jimplimenta hu dawn il-miżuri.
//= $special ?>