Lokali

Il-Kunsill ta’ Santa Luċija elett min-nies qiegħed hemm biex jaqdi lir-residenti mhux lill-Ministru – PN

Chris Bonett qed jipprova juża l-Kunsill biex jaħbi l-fallimenti tiegħu; jekk għandu l-flus il-Gvern għandu jagħtihom lill-Kunsilli biex jaħdmu kif suppost, mhux jużahom biex iżomm ostaġġ lill-Kunsillieri

Ir-residenti ta’ Santa Luċija vvutaw għal Kunsill biex jaħdem għalihom. L-uniku obbligu li għandu l-Gvern hu li lill-Kunsilli Lokali jagħtihom l-għodda u r-riżorsi biex iwettqu l-proġetti u jtejbu l-ħajjiet tar-residenti tagħhom.

Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista f’Santa Luċija mhux se jaċċettaw li jinżammu ostaġġ ta’ xi Ministru li jrid juża lill-Kunsill biex jieħu xi prosit għax jaf li qed jitlef il-popolarità. Din mhix il-funzjoni tal-Kunsill. Il-Kunsill qiegħed hemm biex jaqdi lill-poplu, mhux biex jaqdi lill-Ministru.

Din il-ġimgħa waqt laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija ħareġ ċar li l-Kunsillieri Laburisti fi ħdan il-Kunsill huma ostaġġ tal-Ministru Chris Bonett li għax jaf li l-Kunsill m’għandux il-fondi għall-proġett ta’ Ċentru Ċiviku ġdid, irid jimmanipula lill-Kunsill u jeqred art verġni flok jagħżel sit ieħor għal dan il-proġett. 

Dan hekk kif waqt diskussjoni dwar iċ-Ċentru Ċiviku ġdid għal Santa Luċija:

·          Is-Sindku qalet ċar u tond li dan il-proġett iridu l-Ministru Bonett,

·          Intqal li l-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija m’għandux flus biex jagħmel dan l-iżvilupp iżda li l-Ministru Bonett lest jimbotta biex dan il-proġett jiffinanzjah il-Gvern.

Jirriżulta li l-Gvern Laburista ħakem ukoll lill-Kunsilli Lokali, u li għalih dawn ma huma xejn għajr għodda biex jgħatti l-ħafna fallimenti tiegħu. Wara li fl-aħħar snin issikka għal kollox ir-riżorsi tal-Kunsilli, il-Gvern qed juża s-saħħa tiegħu biex jieħu li jrid mill-Kunsilli. Wara li qerdilhom kull poter, issa jrid iġibhom jiżfnu għad-daqqa tiegħu.

Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista f’Santa Luċija, Liam Sciberras u Connie Debattista, jappellaw lill-Kunsillieri tal-Partit Laburisti biex jiftakru fil-ġurament ta’ lealtà li ħadu li jaħdmu l-ewwel u qabel kollox għall-ġid tar-residenti u tal-lokalità u mhux li jaħdmu bħala canvassers tal-Ministru.

Wieħed jittama li l-fatt li waħda mill-Kunsillieri Laburisti f’Santa Luċija hija impjegata fis-Segretarjat tal-istess Ministru Bonett mhux qed jimpatta fuq kif din qed twettaq xogħolha bħala Kunsilliera u mhux qed tuża l-pożizzjoni tagħha biex tinfluwenza jew tiddetta dak li għandu jsir biex il-Ministru li jimpjegaha jkun jista’ jiskorja xi punti politiċi billi juża l-Kunsill u flus il-poplu għall-vantaġġ politiku personali tiegħu. 

Il-Kunsill Lokali mhux xi coffee morning tal-Ministru.

F’mozzjoni li ressaq, il-Minority Leader tal-PN f’Santa Luċija Liam Sciberras ippropona li ċ-Ċentru Ċiviku – li hemm qbil li hemm bżonnu – minflok isir fuq l-art verġni kif qed jipproponi l-Ministru, isir f’sit ieħor li ma jiħux spazju miftuħ. Hu ppropona li jibdew diskussjonijiet mal-awtoritajiet biex possibilment tkun żviluppata binja eżistenti li bħalissa tintuża mill-Kummissarju għat-Tfal.

Fil-mozzjoni, Sciberras qal li jekk il-Kunsillieri kollha ta’ Santa Luċija jridu verament jaħdmu favur l-ambjent u l-ispazji miftuħa tal-lokalità proprju kif tgħid mozzjoni mressqa mis-Sindku Laburista f’laqgħa oħra qabel u li għaddiet b’vot unanimu, allura l-Kunsillieri kollha għandhom l-obbligu li jaraw li art verġni tibqa’ spazju miftuħ u aċċessibbli għar-residenti.

Jekk il-Gvern Laburista u r-rappreżentanti tiegħu fil-Kunsilli jridu jitwemmnu f’dak li jwiegħdu u jridu verament jirrispettaw liċ-ċittadin, għandhom iwettqu l-wegħdiet tagħhom li jħarsu l-ambjent u li joffru aktar spazji miftuħa, mhux jieħdu spazju miftuħ biex jiżviluppawh.

Il-Kunsillieri tal-Partit Laburista f’Santa Luċija għandhom jiftakru wkoll li huma eletti mir-residenti ta’ Santa Luċija biex jaħdmu għalihom, mhux biex jaħdmu għall-Ministru, irrispettivament mill-impjieg full-time li għandhom.

Il-Partit Nazzjonalista jappella biex fi spirtu ġenwin, b’rispett sħiħ lejn il-komunità kollha ta’ Santa Luċija u b’impenn li jiġu mħarsa l-ispazji miftuħa, dan il-proġett jinstablu sit alternattiv u l-ispazju miftuħ li jeżisti sal-lum jibqa’ spazju miftuħ u aċċessibbli għall-komunità ta’ Santa Luċija u dawk li jżuruha.