Lokali

“Il-PN huwa impenjat li jara komunitajiet li jiżviluppaw” – Bernard Grech

Ritratt: Martin Agius

“Il-PN irid li l-komunitajiet ikomplu jikbru, ikunu aktar ħajjin u jiżviluppaw… għal kwalità tal-ħajja aħjar għar-residenti”.

Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, wara laqgħa mal-Kunsill Lokali tal-Floriana… bil-Kunsill jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li l-lokalità tal-Furjana dejjem qed tara tnaqqis fil-popolazzjoni tagħha.

Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jispjega illi fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-PN huwa impenjat sabiex jara komunitajiet li jikbru u jiżviluppaw.

Waqt il-laqgħa li kellu Bernard Grech mal-Kunsill, is-Sindku Indipendenti Nigel Holland appella lill-politiċi tagħna, sabiex joħorġu b’inċentivi fiskali, u anke leġiżlattivi sabiex il-komunità Furjaniża terġa’ tieħu l-ħajja.

Hekk kif membri mill-Kunsill elenkaw il-fatt ukoll li ħafna koppji żgħażagħ, ma jħarsux lejn il-Floriana bħala lokalità li fiha jixtru d-dar tagħhom – minħabba l-prezzijiet esaġerati.

Huwa proprju għal dan il-fatt li l-Viċi Sindku, James Aaron Ellul, bl-approvazzjoni tal-Kunsill Lokali Furjaniż, ippreżenta dokument dettaljat dwar ir-riġenerazzjoni tal-Floriana.

Preżenti għal din iż-żjara fil-Furjana kien hemm ukoll is-Shadow Ministers Eve Borg Bonello u Albert Buttigieg, flimkien mal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista Justine Palmier.

Bernard Grech, sab il-ħin ukoll sabiex iżur lid-diversi negozji fil-Furjana, sabiex verament jisma’ dak li qed jolqot lill-Furjaniżi, bis-sentiment ikun wieħed: il-Furjana jeħtieġ li tingħata aktar ħajja.