Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tikkonferma estradizzjoni ta’ raġel lejn il-Polonja fejn qed jiġi mfittex fuq frodi

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza fil-konfront ta’ raġel biex b’hekk se jiġi estradit lejn il-Polonja biex jiffaċċja proċeduri fil-Qorti dwar frodi. L-Imħallef Edwina Grima ċaħdet l-appell li ressaq ir-raġel u kkonfermat sentenza mogħtija mill-Maġistrat Leonard Caruana.

Fil-bidu tas-sena Timothy Alan Mackay ta’ 65 sena tressaq il-Qorti flimkien ma’ martu Celia Dunlop ta’ 64 sena wara li kienu mfittxija mill-awtoritajiet Pollakki biex jiffaċċjaw proċeduri kriminali b’rabta ma’ frodi u ħasil ta’ flus.

Il-koppja wieġbet mhux ħatja li ffrodat mal-400 persuna fil-Polonja permezz ta’ ‘pyramid scheme’ li minnha allegatament l-koppja bbenefikat minn madwar €238,000. ‘Pyramid Scheme’ hija forma ta’ investiment illegali, li fiha kull parteċipant jaqla’ l-flus minn fuq ir-reklutaġġ ta’ numru ta’ investituri li dejjem jiżdied.

Kien fi Frar, li l-Maġistrat Caruana laqa’ t-talba għall-estradizzjoni u ordna li l-koppja tintbagħat biex issegwi proċeduri kriminali fil-Polonja. Il-koppja appellat u l-Imħallef Edwina Grima ċaħdet l-appell tar-raġel fejn ordnat li għandu jinżamm taħt kustodja sakemm jiġi estradit lejn il-Polonja. Id-deċiżjoni fil-konfront tal-mara għadha waħda pendenti.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Spiteri waqt li l-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit qed jidhru għall-mara u l-Avukati Josè Herrera u Martina Herrera għar-raġel.