Lokali Parlament

Jeħtieġ li l-persuni vulnerabbli jkunu megħjuna b’politika soċjali li tasal għand in-nies

Ritratt: Martin Agius

Stephen Spiteri, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri sostna fil-Parlament li jeħtieġ li l-persuni vulnerabbli jkunu megħjuna b’politika soċjali li tasal għand in-nies.

Stephen Spiteri qal li minkejja ż-żieda fl-investiment fl-anzjani, l-anzjani mhumiex qed jintlaqtu b’mod pożittiv. Fost il-prijoritajiet tal-anzjani hemm il-kura tas-saħħa, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li hu għalhekk li jeħtieġ li jkun hemm l-aqwa servizzi tas-saħħa għall-anzjani.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li għandu jkun hemm prijorità fl-operazzjonijiet li jsiru biex il-ħajja tal-anzjani tkun aħjar u titnaqqas id-dipendenza. Hu ppropona li t-tabib tal-familja jkun estiż bla ħlas għall-anzjani biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-kliniċi. Dan ikun ta’ benefiċċju għall-anzjani li jkunu jafu personalment lit-tabib li jkun qed isegwihom.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-problema tal-kirjiet li jkunu fihom l-anzjani u l-pensjonanti u sostna li għandu jkun hemm riformi biex dawn itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Hu tratta l-akkomodazzjoni affordabbli għaż-żgħażagħ u qal li f’dan is-settur hawn problemi kbar tant li ħafna mhumiex jaslu li jkollhom akkomodazzjoni affordabbli.

Stephen Spiteri qal li s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ hi waħda problematika minħabba kuntratti tax-xogħol li jiġġeddu. Dan iwassal biex il-banek ma jaċċettawx li jagħtu self liż-żgħażagħ biex jixtru djarhom.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li għandu jkun hemm iktar sigurtà lill-koppji żgħażagħ u qal li x-xogħol m’għandux jitpoġġa f’keffa waħda għaliex hemm il-kwalità u xi jrendi x-xogħol. Importanti wkoll li l-persuni b’diżabbiltà jkunu inċentivati biex jaħdmu fis-settur privat b’mod li jkunu integrati.

Hu tkellem ukoll dwar il-priġunieri li jkunu temmew il-perjodu tagħhom ta’ riabilitazzjoni u qal li dawn qed jiffaċċjaw problemi meta jiġu biex isibu xogħol. Għandu jkun hemm perjodu transitorju li fih dawn ikunu offruti xogħol biex jintegraw fis-soċjetà. Fil-pajjiż hawn sitwazzjoni problematika dwar il-faqar fosthom b’familji li jgħixu fi djar li m’għandhomx is-servizzi neċessarji u li ma jaffordjawx li jixtru dak li huma għandhom bżonn.