Lokali Parlament

L-investiment fl-edukazzjoni għandu jwassal għall-iżvilupp tal-istudent

Justin Schembri, PN

Ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Justin Schembri qal fil-Parlament li l-investiment fl-edukazzjoni għandu jwassal għall-iżvilupp tal-istudent.

Justin Schembri qal li hu tajjeb li jsir l-investiment fl-edukaturi u fl-iskejjel iżda fil-fatt l-edukazzjoni mhijiex isservi biżżejjed lill-pajjiż. Hu qal li mhux it-tfal kollha għaddejjin minn żmien sabiħ għaliex mhux kollha għandhom l-appoġġ meħtieġ fid-djar biex jiffaċċjaw l-isfidi neċessarji. Id-deputat Nazzjonalista kompla li minn studju li sar jirriżulta li iktar minn 60% tat-tfal għandhom problemi mentali minħabba li l-problemi familjari qed jintirtu fl-iskejjel.

Justin Schembri kompla li qed ikun mistenni li l-edukaturi jsolvu l-problemi tas-soċjetà; dan mhuwiex tajjeb għalkemm l-iskejjel għandhom jidentifikaw il-problemi billi jkollhom ir-riżorsi neċessarji.

Hu sostna li l-pajjiż għandu jkollu investiment fir-riżorsa umana u fil-professjonisti biex jitrattaw il-problemi tat-tfal. Jirriżulta li Malta hi fost l-iktar pajjiż b’rata għolja ta’ studenti li jattendu għal-lezzjonijiet tal-privat. Dan isir wara l-ħinijiet tal-iskola u fihom l-istudenti qed jistudjaw l-istess affarijiet. Hu stabbilit li 60% tat-tfal fis-sekondarja jattendu l-lezzjonijiet tal-privatt. Fil-Finlandja hemm biss 10% tat-tfal li jattendu lezzjonijiet tal-privat iżda fl-Armenja din iċ-ċifra titla’ għal 90%.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li jeħtieġ ikun konfermat li dawk li jagħtu l-lezzjonijiet tal-privat ikunu kwalifikati biex jagħmlu dan u żied li dawn il-lezzjonijiet qed jerġgħu jagħtu lill-istudenti dak li huma diġà jkunu ħadu fl-iskola.

Dan juri li f’għajnejn il-ġenituri, it-tagħlim fl-iskejjel mhux qed jikkumplimenta t-tagħlim fid-darl. Dan kollu qed isir għad-detriment tal-ħin liberu tal-istudenti li jistgħu jutilizzawh biex jippratikaw xi sport jew biex jgħaddu ħin mal-ġenituri.

Hu tratta studju ieħor li sar fejn irriżulta li dawk l-istudenti li jipprattikaw l-isport b’mod regolari jkollhom prestazzjoni akkademika aħjar fl-Ingliż u l-Matematika minn dawk l-istudenti li ma jipprattikawx sport regolament.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-PN mhuwiex kontra s-sistema tal-SBA (School Based Assessment) iżda din teħtieġ ristrutturar għaliex mhijiex tgħinhom jiksbu marki aħjar li jkunu akkumulaw fl-aħħar tliet snin tas-sena sekondarja. Jirriżulta li l-iskejjel lanqas jistgħu jagħmlu l-pjani tagħhom.

Justin Schembri kompla li l-letturi fl-MCAST intużaw mill-gvern li qed jibqa’ jkarkar u ma jikkonkludix il-ftehim kollettiv. Din il-kriżi tal-MCAST hi ċertifikat li għall-gvern jgħodd biss dak li jidher. Ħafna studenti qed ibatu minn stress kontinwu u ansjetà kbira, sostna Justin Schembri, li qal li jkun intuli li jkun hemm l-aqwa investiment jekk ir-riżultati ma jibdewx juru li l-istudenti huma aħjar milli kienu qabel.