Internazzjonali

L-Ukrajna: Ir-Russi jkomplu bl-attakki bid-drones minkejja l-ftehim navali relatat mal-Baħar l-Iswed

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qed iwissi lill-Punent u lill-Istati Uniti li r-Russja m’għandhiex il-ħsieb li timpenja ruħha tassew għall-paċi. Dan fost l-akkużi li l-President Russu Vladimir Putin irid jippersisti bil-politika aggressiva għall-espansjoni waqt li, fl-istess ħin,  iqarraq bil-messaġġi li jindikaw ‘rieda falza’ għal waqfien mill-ġlied potenzjali.

Il-kummenti ngħataw wara li l-qawwiet  Russi, fil-lejl tal-Erbgħa, sparaw l-għexieren tad-drones lejn il-port ta’ Mykolaiv, fil-Baħar l-Iswed. Azzjoni li seħħet sigħat biss wara li l-Istati Uniti ħabbret li Moska u Kiev kienu qablu dwar waqfien mill-ġlied minn aspett marittimu.

L-attakk partikulari ma kienx mistenni fid-dawl tal-aħħar żviluppi diplomatiċi u meta s-Sindku ta’ Mykolaiv tenna li l-belt qed tiffaċċja emerġenza tad-dawl  b’riżultat tad-drones.

L-isparatura tad-drones fuq Mykolaiv segwiet id-dikjarazzjoni tal-Istati Uniti – il-medjatur fil-konflitt – li l-Ukrajna u daqstant ieħor ir-Russja kienu impenjaw ruħhom biex il-bastimenti ta’ xulxin jgħaddu mir-rotot tal-Baħar l-Iswed mingħajr il-biża’ li jisfaw mira għall-attakki.

L-aħħar mewġa ta’ drones fuq l-Ukrajna kienet indirizzata wkoll għar-reġjuni Ukreni ta’ Cherkasy, Sumy u Kirovohrad – bl-osservaturi jemmnu li dawn l-attakki kapaċi jirrankaw skont id-diktat tal-Kremlin.

Fl-istess ħin, il-belt ta’ Kryvyi Rih, fejn trabba l-President Zelensky, spiċċat il-mira għall-akbar mewġa ta’ drones mill-bidu tal-Gwerra tal-Ukrajna, fi Frar tal-2022. Il-qerda sussegwenti kienet imfissra bħala ‘sinifikanti’ għalkemm ma jidhirx li rriżultaw il-vittmi fil-lokalitjiet li ġarrbu l-qilla tal-attakk.

L-Ukrajna kkalkulat li r-Russja, fil-lejl tal-Erbgħa, sparat aktar minn 120 drone – ħafna minnhom immanifatturati fl-Iran – lejn ir-reġjuni Ukreni, bil-Gvern fi Kiev itenni li l-attakki għandhom jikkonvinċu lid-dinja dwar ‘il-vera intenzjonijiet ta’ Putin’.

U minkejja li l-Uffiċjali tal-Ukrajna u r-Russja kienu qablu dwar il-waqfien mill-ġlied fil-Baħar l-Iswed, l-azzjonijiet militari minn Moska komplew iżidu d-dubji dwar l-implimentazzjoni effettiva tal-ftehim wara l-ottimiżmu inizjali.