Lokali Parlament

Miġbura mill-FIAU aktar minn €8.7 miljun f’multi

Il-flus mill-multi maħruġa mill-FIAU (il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja) mis-sena 2019 sas-sena li għaddiet hu ta’ aktar minn €8.7 miljun.

Jirriżulta li n-numru ta’ multi maħruġa matul dan il-perjodu mill-2019 sas-sena li għaddiet kien ta’ 739 u b’total ta’ €8,727,296.

Fl-2024 inħarġu 84 multa għal total miġbur f’dik is-sena ta’ €437,476; fl-2023 kien hemm 144 multa u l-ammont miġbur kien ta’ €1,407,475; fl-2022 il-multi kienu ta’ 145 u t-total miġbur kien ta’ €3,557,701; fl-2021 kien hemm 176 multa u nġabru €1,184,317;  fl-2020 saru 170 multa u nġabru €2,103,277 waqt li fl-2019 inħarġu 20 multa u nġabru mill-FIAU €37,050.

L-informazzjoni dwar il-multi li nħarġu tul is-snin mill-FIAU saret mid-Deputat Nazzjonalista David Agius li staqsa lill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana jgħid fil-Parlament kemm inġabru flus mill-multi maħruġa mill-FIAU mis-sena 2019 sas-sena 2024.

Jirriżulta wkoll li l-ammonti tal-multi miġbura fis-snin indikati, għal xi snin minnhom jinkludu rkupru ta’ multi li ma ġewx imposti fl-istess sena. Dan jista’ jseħħ għal numru ta’ raġunijiet iżda primarjament iseħħ minħabba li multi b’valur li jeċċedi l-€5,000 jistgħu jiġu appellati quddiem il-Qorti tal-Appell (Sede Inferjuri).

Informazzjoni mitluba wkoll mid-Deputat Nazzjonalista David Agius dwar l-ispejjeż legali li għamlet l-FIAU fl-istess perjodu, kif intgħażlu r-rappreżentanti legali u kemm kienet l-ispiża għal kull kawża li ffaċċjat l-FIAU fil-Qrati Maltin, għadha qed tinġabar.