Opinjoni

OPINJONI: Fl-MCAST m’hemmx robots

Nhar il-Ġimgħa li ġej, jgħaddi xahar minn meta l-MUT waqqgħet id-direttivi tagħha fl-MCAST
Illum nafu li ħafna u ħafna studenti fl-MCAST qegħdin ibatu minn stress kontinwu u ansjetà li qed tilħaq livelli astronomiċi, qagħda inkwetanti fuq is-saħħa mentali li fl-MCAST, għall-Gvern ma tgħoddx

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister għall-Ambjent
għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Nhar il-Ġimgħa li ġej, jgħaddi xahar minn meta l-MUT waqqgħet id-direttivi tagħha fl-MCAST biex jipproċedu d-diskussjonijiet, primarjament dawk marbuta mal-pakkett finanzjarju, tal-ftehim kollettiv li issa ilu skadut sewwa aktar minn tliet snin.

Għalkemm jidher li fil-prinċipju ntlaħaq ftehim, sal-lum għad ma hemm xejn konkret, u mill-esperjenza nafu li lill-Gvern Laburista ma tistax tafdah għax bħalma qed ifalli f’kull settur, qed ifalli wkoll fl-edukazzjoni. Ċertament, il-kriżi tal-MCAST hija ċertifikat ieħor għal Robert Abela u għall-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima li fl-edukazzjoni jgħodd biss dak li jidher ilellex u xejn aktar.

Minn meta bħala Partit Nazzjonalista u bħala Oppożizzjoni indirizzajna l-aħħar ‘press conference’ relatata mas-suġġett quddiem il-kampus tal-MCAST fil-Mosta, jumejn qabel kellu jiskadi l-‘ultimatum’ mogħti mill-MUT lill-Gvern, ma waqaftx insegwi dak kollu li għaddej.

Filfatt nista’ ngħid, li kemm ilni nokkupa l-kariga tiegħi fil-Parlament, l-MCAST kien l-akbar uġigħ ta’ ras għalija, għax ladarba ma konniex fuq il-mejda tan-negozjati, u ladarba m’għandhiex informazzjoni diretta, m’għandniex deċiżjonijiet f’idejna. Forsi ħafna jaħsbu li minn dakinhar lil hawn, jiġifieri mill-aħħar ‘press conference’, waqaft insegwi, madankollu bqajt insegwi u nitkellem mal-letturi u mal-istudenti li sal-lum għadhom maqbudin minħabba Gvern li ma jridx jirrisolvi qagħda preokuppanti li llum saret kriżi li ma tistax tissolva.

Sal-lum, il-ftehim kollettiv għadu ma ġiex konkluż għax il-Gvern qed jibqa’ jixxaħħaħ mal-letturi u mal-istudenti tal-Kulleġġ. Mill-ġdid intenni li huwa għalkollox inkwetanti li dan l-eżitu serju qed ikollu impatt negattiv fuq l-istudenti u l-letturi għax il-futur tagħhom għadu inċert u dubjuż.

Filfatt, irrid nagħmel referenza għal artiklu interessanti li tella’ l-Psikoterapista Dr Gabriel Ellul dwar din is-sitwazzjoni, u rrid ukoll nagħmel referenza għal xi messaġġi personali li waslu għandi mill-istudenti u l-familjari tagħhom. Dr Ellul jargumenta li qegħdin inpartu kriżi ma’ oħra, jiġifieri biex insolvu l-kriżi tal-MCAST, qed noħolqu kriżi ġdida ta’ saħħa mentali fl-istudenti u fil-letturi tal-Kulleġġ.

Saħħa mentali

Għalkemm it-twaqqif tad-direttivi kienu jfissru xi forma ta’ ‘normalità’ għal dawk milquta mill-kriżi, malajr indunajna li dak li ma sarx f’xhur mil-letturi u mill-istudenti minħabba d-direttivi, kien se jkun mistenni li jsir fi ftit ġimgħat biss. Filfatt, Dr Ellul jargumenta li dak li kellu jkun perjodu li jġib miegħu lura n-normalità, ir-relazzjoni tiegħu mal-istudenti li jarahom minn lenti professjonali u klinika qed tgħid storja kompletament differenti.

Illum nafu li ħafna u ħafna studenti fl-MCAST qegħdin ibatu minn stress kontinwu u ansjetà li qed tilħaq livelli astronomiċi, qagħda inkwetanti fuq is-saħħa mentali li fl-MCAST, għall-Gvern ma tgħoddx. Il-Gvern ġie jaqa’ u jqum u ħalla mijiet ta’ letturi b’salarji u b’kundizzjonijiet skaduti ta’ tliet snin ilu, bla ebda żidiet u allokazzjonijiet finanzjarji li jmorru mal-ħajja tal-2025, u ġie jaqa’ u jqum mill-istudenti li qegħdin narawhom jaqgħu wieħed wara wieħed u waħda wara waħda.

Dan il-Gvern huwa bla demm, bla empatija u bla rieda li jsolvi l-kriżi tal-MCAST u għal dan irid iħallas qares ’il quddiem.

Qiegħed ngħid irid iħallas qares għax ir-riperkussjonijiet tal-kriżi tal-lum se tibqa’ mmarkata u se tibqa’ ttebba’ r-reputazzjoni tal-MCAST. Sfortunatament, ninsabu f’sitwazzjoni li fiha l-istudenti jridu jlestu saħansitra sa sitt ‘assignments’ f’erba’ ġimgħat, u dan mhux qed ikollu biss impatt fuq l-istudenti imma wkoll fuq il-familji tagħhom ukoll!

Jien infurmat ukoll li dan kollu qiegħed jikkawża sitwazzjoni ta’ ansjetà daqstant ieħor fuq il-letturi li jridu jiggwidaw, jagħtu direzzjoni u jiġbru xhur sħaħ fi ftit ġimgħat biex ivinċu din is-sena akkademika.

Fi żmien li fih il-pajjiż suppost jagħti aktar attenzjoni lis-saħħa mentali, saħansitra l-benesseri tal-persuna huwa wieħed mill-pilastri tal-Istrateġija għall-Edukazzjoni Nazzjonali – għaliex mingħajr il-benesseri ma jsir xejn, nibdew niddubitaw kemm verament il-Gvern jemmen fl-istudenti u fil-letturi!

Mhuwiex vera li l-Gvern huwa preokkupat bis-sitwazzjoni tal-MCAST, imma huwa evidenti li qed jilgħab għaż-żmien. Dan huwa r-riżultat ta’ Gvern li qed jegħreq fid-dejn nazzjonali u għalhekk ma jistax jikkommetti ruħu għas-snin li ġejjin b’pakkett finanzjarju li jonora l-importanza tal-MCAST fil-qasam tal-edukazzjoni.

Għalhekk, inkompli nistieden lill-istudenti, lil-letturi biex jitkellmu aktar u jaqsmu mal-pubbliku dak li għaddejjin minnu. Ikun insult lejn l-istudenti u lejn il-letturi tal-MCAST jekk din il-kriżi tibqa’ tkarkar aktar. Inħoss, li wasal iż-żmien li nikkunsidraw jekk il-Gvern għandux jikkumpensa monetarjament lil dawk kollha milquta, jiġifieri lill-istudenti, lil-letturi u lill-gradi l-oħra għal din l-esperjenza qarsa li kellhom jgħaddu minnha u li tebbgħathom għal dejjem.

Ejja niftakru, li jekk il-Gvern ħasibhom ‘robots’ jaħdmu bl-intelliġenza artifiċjali, sejjer żball.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 26 ta’ Marzu, 2025.