Fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Weightlifting organizzat is-46 edizzjoni tal-Kampjonati Internazzjonali Open tan-Nazzjonijiet Żgħar Ewropej u Open ta’ Malta. Iċ-Ċentru tal-Weightlifting li għadu kif kien inawgurat, laqa ‘l fuq minn 150 parteċipant minn 15-il pajjiż fuq tmien kompetizzjonijiet.
Il-kontinġent Malti ta wirjiet mill-aqwa bir-rebħ ta’ medalji u stabbilixxa bosta rekords nazzjonali. Tenishia Thornton, refgħet 89kg fil-snatch u 113kg fil-clean and jerk b’total ta’ 260 punt u bosta rekords nazzjonali. Roberta Tabone wkoll impressjonat bl-aħjar personali ta’ 86kg snatch u 110kg fil-clean and jerk, fejn kisbet 245 punt.
Fil-kategorija tal-irġiel, Rylee Borg ta’ 18-il sena kellu refgħat ta’ 130kg fis-snatch u 156kg fil-clean and jerk, b’total ta’ 350 punt fejn kiser diversi rekords nazzjonali. Vlad Baldacchino għamel 134kg fis-snatch u 161kg fil-clean and jerk għal total ta’ 340 punt u stabbilixxa rekords nazzjonali ġodda.
Fost it-talenti żgħażagħ Nathan Mifsud ta’ ħmistax-il sena refa’ 88kg fis-snatch u 103kg fil-clean and jerk, fejn kiseb total ta’ 305 punt u stabbilixxa diversi rekords nazzjonali. Fis-settur tan-nisa Kim Camilleri Lagana ddominat id-diviżjoni taż-żgħażagħ b’refgħat ta’ 71kg fis-snatch u 92kg fil-clean and jerk, fejn kisbet 240 punt.
L-avveniment ta’ din is-sena kien partikolarment sinifikanti peress li ħabat mal-50 anniversarju tal-weightlifting f’Malta. Iċ-ċelebrazzjoni saret fiċ-Ċentru l-ġdid tal-Weightlifting, faċilità moderna li tlestiet minn SportMalta.
Mistednin distinti, inklużi l-presidenti tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Weightlifting u l-Federazzjoni Ewropea tal-Weightlifting, attendew għal dawn il-Kampjonati fejn faħħru l-organizzazzjoni tal-kampjonat immexxi mill-President Jesmonnd Caruana u r-riżultati miksuba mill-atleti.
