Il-President ta’ Repubblika llum daħħlet applikazzjoni ġuramentata fejn talbet li ssir inkjesta maġisterjali wara li Times of Malta, Amphora Media, u Malta Today ilbieraħ irrappurtaw ħlasijiet inspjegabbli lill-eks-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista u ta’ diversi aġenziji tal-gvern James Piscopo.
Fl-2020, Times of Malta kienu ċċitaw sorsi differenti li qalu li ċ-Chief of Staff tal-allura Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, kien qal lil Yorgen Fenech li James Piscopo kellu aktar minn €600,000 moħbija f’kont bankarju barra minn Malta u li dawn kienu ġejjin minn tixħim jew attività oħra illegali.
Is-sorsi kienu qalu li Schembri kien għadda nota miktuba bl-idejn lil Fenech b’dettalji ta’ ċaqliq ta’ flus fil-kont bejn l-2015 u l-2016. Din in-nota kienet preżunta miktuba b’idejn Piscopo u Schembri ħajjar lil Fenech jgħaddi din in-nota lill-kuntatti tiegħu fil-midja.
Ilbieraħ, Times of Malta, Amphora Media u MaltaToday irrappurtaw li wara li saru magħrufa dawk l-allegazzjonijiet fl-2020, saru indaġni mill-pulizija li sabu li Piscopo rċieva ħlasijiet hekk imsejħa suspettużi fl-2015.
Dawn il-ħlasijiet meqjusa supettużi kienu formalment magħmula għall-konsulenza u kienu jammontaw għal €30,000. Piscopo irċevihom meta kien qed imexxi Transport Malta. Dawk il-ħlasijiet seħħew fl-istess żmien li Transport Malta kienet qed timplimenta l-proġett tal-junction tal-Kappara u ż-żmien li fih kumpanija ġdida ħadet f’idejha s-servizz tat-trasport bil-karozzi tal-linja.
Ilbieraħ, Times of Malta rrappurtat li rat dokumenti li juru li l-pulizija investigaw lil Piscopo dwar korruzzjoni, evażjoni tat-taxxa, u ħasil tal-flus li allegatament wettaq meta kien impjegat ta’ Transport Malta u aktar tard tal-Lands Authority.
Ir-rapporti fit-tliet mezzi jgħidu li l-Pulizija ilha snin infurmata li Piscopo fetaħ numru ta’ kontijiet bankarji Malta u lil hinn minnha f’ismu u f’isem trusts. Ma jidhirx li f’dan iż-żmien intalbet inkjesta maġisterjali.
Vicki Ann Cremona qalet: “Hu d-dritt taċ-ċittadini li jitolbu lill-istituzzjonijiet jistħarrġu l-korruzzjoni. Hu dmir tagħna li naraw li rappurtaġġ tal-ġurnalisti li jesponihom għal riskju ma jibqax jiġma t-trab imma minflok naraw li l-istat jaqdi l-funzjoni tiegħu u jassigura li ssir ġustizzja.
Hu għalhekk li dawn id-dettalji li ilhom magħrufa mill-pulizija u issa magħrufa minn kulħadd, jiġu mistħarrġa u jekk hu l-każ tittieħed l-azzjoni kollha li trid il-liġi.” L-applikazzjoni għal inkjesta maġisterjali kienet iffirmata f’isem Repubblika mill-Avukat Jason Azzopardi.
//= $special ?>