Lokali

Robert Abela jattakka lill-media indipendenti biex jaqbeż għal James Piscopo

Din il-ġimgħa ġiet żvelata l-istorja illi James Piscopo, eks Kap Eżekuttiv tal-Labour u ta’ Transport Malta, allegatament irċieva ħlasijiet b’rabta mal-proġett tal-Kappa Junction kif ukoll b’rabta mal-Autobuses de Leon li kienu ħadu taħt idejhom it-trasport pubbliku.

Piscopo ngħata €30,000 f’ċekkijiet mingħand l-accountant Robert Borg, liema ħlasijiet mhux talli l-eks CEO tal-Labour ma ċaħadx li saru, iżda ddeskrivihom bħala “stupidi”.

L-Erbgħa filgħodu Net News staqsa lill-Prim Ministru dwar dan kollu, hekk kif 24 siegħa wara l-Partit Laburista baqa’ ma ħareġ ebda stqarrija, iżda mhux talli ma ddisassoċċjax ruħu ma’ James Piscopo, talli ammetta li reġa’ lura fi ħdan il-Partit.

Mhux talli ħareġ għonqu għal Piscopo, talli minflok Abela spiċċa jattakka lil media indipendenti u jimmina u jiskredita l-imparzjalità tagħha – għaliex attakkaw Laburist.

Il-fatt jibqa’ li mal-media James Piscopo ma ċaħadx li rċieva dawn l-eluf ta’ ewro meqjusin bħala suspettużi, iżda saħansitra ddeskrivihom bħala ħlasijiet stupidi – bil-Prim Ministru jibqa’ jinsisti li din hija strateġija u tip ta’ konġura kontra l-Partit Laburista.

Lura għal vittimiżmi, lura għal biża’ mill-babaw u l-konġuri, lura għall-attakki fuq il-media indipendenti bil-periklu li tali narrattiva u diskors jistgħu jġibu maghhom.