Lokali

“Robert Abela jerġa’ jattakka lill-midja biex jiddefendi aktar abbużi minn sħabu” – Il-PN

Abela ostaġġ tat-tħanżir li ppermetta hu stess; jattakka lill-ġurnalisti biex jgħatti s-serq u l-abbuż ta’ sħabu

Robert Abela reġa’ nfexx f’attakk fuq il-midja indipendenti għax din kixfet każ ieħor ta’ abbuż minn dawk qrib tiegħu.

Qed ngħixu f’pajjiż fejn kuljum nisbħu għal xi skandlu ġdid fejn il-protagonist ewlieni kważi dejjem ikun xi ħadd qrib Robert Abela li jkun ħataf u abbuża minn xi pożizzjoni ta’ awtorità fejn ikun tpoġġa minn Abela jew xi ħadd fil-Gvern.

Meta l-midja indipendenti tagħmel xogħolha u tikxef il-ħmieġ ta’ esponenti tal-Gvern ta’ Abela jew ħbieb tagħhom, għax jaf li m’għandux minn fejn joħroġ, Robert Abela jinfexx jattakka l-ġurnalisti.

Abela qed jerġa’ jagħmel attakk faħxi fuq il-midja għax kixfet kif l-Eks CEO tal-Partit Laburista James Piscopo rċieva numru ta’ ħlasijiet ta’ konsulenza mill-għoti tal-konċessjoni tal-karozzi tal-linja lil operatur Spanjol u mill-bini tal-junction tal-Kappara, ukoll minn kumpanija Spanjola. Dan meta l-istess Piscopo kien CEO ta’ Transport Malta u allura kien hu responsabbli mill-proġetti tal-istess entità.

Illum Robert Abela hu ostaġġ tat-tħanżir li ppermetta hu stess.

Jekk Robert Abela verament jirrispetta s-saltna tad-dritt, għandu jissottometti ruħu għall-ġustizzja u għal kull inkjesta maġisterjali li tista’ tinvestiga oxxenitajiet bħal fil-każ ta’ James Piscopo.

Il-ġustizzja u l-ġurnaliżmu huma sisien li fuqhom hi mibnija d-demokrazija.

Robert Abela u l-Gvern Laburista mill-2013 ’l hawn diġà ħammru wiċċ pajjiżna biżżejjed fejn jidħlu attakki fuq il-ġurnalisti.

Il-Partit Nazzjonalista mhux se jħalli lil Robert Abela jkompli jaħtaf il-pilastri tad-demokrazija biex jagħmel minn Malta awtokrazija.