Numru kbir ta’ politiċi mal-Partit Demokratiku u l-Partit Repubblikan qed jitolbu biex issir investigazzjoni bir-reqqa dwar l-aġir dilettantesk tal-Ogħla Uffiċjali li suppost huma nkarigati mis-sigurtà tal-poplu Amerikan.
Sitwazzjoni li qed tħasseb ħafna lill-poplu avolja l-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, u l-kapijiet tas-servizzi sigrieti Amerikani qed jagħmlu minn kollox biex jimminimizzaw sitwazzjoni mill-aktar skomda għalihom. Dan fost l-insistenza ta’ Trump li ma ħarġet l-ebda informazzjoni klassifikata għad-detriment tal-pajjiż b’kaġun ta’ traskuraġni u inkompetenza.
Il-każ, madankollu, jibqa’ l-aktar wieħed imbarazzanti għall-Gvern Amerikan kemm ilu li Donald Trump assuma r-riedni tal-pajjiż fl-20 ta’ Jannar.
Dan waqt li Mike Waltz, il-Konsulent Ewlieni tal-Gvern dwar is-Sigurtà Nazzjonali, assuma responsabbiltà sħiħa dwar dak li seħħ fi ‘group chat’ privat bejnu u l-uffiċjali għoljin oħrajn tal-Gvern. Diskursata online fejn l-uffiċjali kienu qed jippjanaw l-attakki militari fuq ir-ribelli tal-Houthi fil-Jemen u fejn b’xi mod spiċċa ‘itteggjat’ ġurnalista li seta’ jara d-dettalji kollha li suppost kienu qed jitfasslu taħt l-akbar livell ta’ segretezza.
Mike Waltz ammetta wkoll li dan hu każ mill-aktar imbarazzanti wara li l-ġurnalist, Jeffrey Goldberg, il-Kap Editur tal-ġurnal Atlantic, ikkonferma li ‘Mike Waltz kien inkludih fis-Signal Chat ta’ dak il-grupp esklussiv’. Żball li minnufih ikkostitwixxa ‘breach’ sinifikanti għas-sigurtà.
Goldberg żvela li ra l-pjani militari klassifikati għall-attakki li l-Istati Uniti kienet qed tħejji fuq il-Jemen –fosthom dettalji dwar l-armamenti, il-miri u l-ħinijiet tal-azzjonijiet.
Intant, Mike Waltz jinsab b’dahru mal-ħajt biex jispjega dan il-livell ta’ inkompetenza għalkemm il-President Trump mhux qed jaħseb biex ineħħih mill-kariga. Fil-fatt, il-President tal-Istati Uniti tenna li ‘qatt ma kien wisq affaxxinat bil-kontenut tal-(ġurnal) Atlantic’ filwaqt li rrefera għall-ġurnal bħala ‘wieħed skadut u diskreditat’.
Dan meta Waltz, ftit wara li ħarġet l-aħbar dwar is-‘security breach’, kien infexx fl-insulti personali għall-ġurnalista Goldberg – u meta, fl-istess ħin, ma rnexxilux jispjega lill-ġurnalisti ta’ Fox News dwar kif l-Editur tal-Atlantic seta’ spiċċa involut fil-group chat.
Il-Konsulent Amerikan dwar is-Sigurtà Nazzjonali, issa, qed jipprova jserraħ tas il-poplu, fost l-istqarrijiet li ‘l-Gvern qabbad lill-aqwa esperti tekniċi biex jinvestigaw kif seta’ jsir nuqqas hekk serju’. Mike Waltz, fl-istess ħin, qed jikkonsulta dwar il-każ mal-biljunarju Elon Musk, li qed imexxi lid-Dipartiment għall-Effiċjenza tal-Gvern (DOGE) u li llum, meqjus bħala t-tieni l-aktar persuna influwenti fl-Istati Uniti wara Donald Trump.
Madankollu, ħafna Amerikani qed jaqblu li żbalji fuq dan il-livell huma inaċċettabbli minbarra li kapaċi jaffettwaw ħażin ħafna lill-interessi tal-Amerikani.
Minkejja dan, il-President Trump xorta qed jipprova jnaqqas mis-sinifikat tas-sitwazzjoni. Mantra li qegħdin jirrepetu anki l-Kapijiet tas-Sigurtà Nazzjonali, b’Tulsi Gabbard, id-Direttur tal-US National Intelligence; u John Ratcliffe, bħala Direttur tas-CIA; jiċħdu, waqt smigħ fis-Senat, li setgħet inkixfet id-data klassifikata fil-group chat.
Intant, il-midja internazzjonali li qed tagħti prijorità lill-group chat, qed tikkummenta wkoll għall-fatt li d-diskursata bejn l-Ogħla Uffiċjali ta’ Trump kienet anki mimlija bl-insulti u diskors dispreġjattiv dwar l-Ewropa – u li fiha spikkaw l-aktar il-Viċi President Amerikan JD Vance, is-Segretarju tal-Istat Amerikan; Marco Rubio u s-Segretarju tad-Difiża Amerikan, Pete Hegseth.
//= $special ?>