Traffikanta tad-droga Brażiljana ġiet ikkundannata ħames snin u nofs ħabs wara li ammettiet li importat kilo kokaina. Tainara Fernandes Da Silva ta’ 22 sena ġiet arrestata fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fit-3 ta’ Novembru li għadda wara li twaqqfet minn uffiċjali tal-ajruport.
Il-mara kienet għadha kif niżlet ajruplan minn Barċellona meta uffiċjali tal-ajruport osservawha ġġib ruħha b’mod suspettuż. Hija ppruvat taħrab mill-pulizija iżda malajr inqabdet u mġiegħla tagħmel X-ray li żvela li kellha qratas ta’ dik li kienet suspettata li kienet droga ġewwa l-intern tagħha.
Da Silva ttieħdet l-Isptar Mater Dei fejn ġie stabbilit li hija kienet ippruvat iddaħħal kilo kokaina b’valur tat-triq stmat ta’ kważi €130,000. Sussegwentement il-mara ġiet akkużata li importat kokaina u li kienet fil-pussess tad-droga f’ċirkostanzi li kienu jindikaw li ma kinitx għall-użu personali. Inizjalment hija wieġbet mhux ħatja.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-mara ddeidiet li tammetti. Il-qorti tatha l-ħin biex terġa’ taħsibha u nfurmata bil-konsegwenzi legali tal-azzjonijiet tagħha. Il-mara iżda reġgħet ikkonfermatl-ammissjoni tagħha tal-akkużi li hija kienet qed tiffaċċa.
Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ikkundannat lill-mara ħames snin u sitt xhur ħabs. Hija ġiet immultata wkoll €7,000. Il-Qorti ordnatilha tħallas €1,041.79 fi spejjeż tal-qorti.
//= $special ?>