Internazzjonali

Donald Trump: Tariffi li se jaffettwaw ħażin lis-suq globali tal-karozzi….bl-Ewropa lesta biex tirritalja

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħabbar li qed jimponi tariffi ta’ 25 fil-mija fuq lil-karozzi li pajjiżu qiegħed jimporta minn barra – u fejn sostna li l-pass għandu jistimola l-produzzjoni tal-vetturi fuq livell domestiku.

Madankollu, l-analisti jemmnu li l-miżura hi l-aħħar pass, min-naħa ta’ Trump u l-White House, biex ikomplu jiddistikkaw ruħhom mill-Alleati tal-Punent; b’mod partikulari l-Istati Ewropej li, bħalissa, qed iħejji l-miżuri ta’ ritaljazzjoni.

Donald Trump, intant, addotta ton aggressiv bl-istqarrija li t-tariffi għall-karozzi minn barra huma ‘permanenti’ – u meta dawn mistennija jibdew japplikaw millum stess.

L-analisti, iżda, qalu li din hi miżura oħra kontro-produttiva peress li anki l-industrija tal-karozzi fl-Istati Uniti għandha tħoss l-impatt negattiv tad-direttiva. Dan meta l-produtturi tal-karozzi Amerikani bilfors iridu jdaħħlu l-komponenti minn madwar id-dinja u fejn hu inevitabbli li huma wkoll jiffaċċjaw l-ispejjeż ogħla – minbarra tnaqqis fil-bejgħ.

Hu kalkulat lil-prezz medju ta’ karozza impurtata kapaċi tiżdied b’madwar 11,000 ewro jekk kemm-il darba x-xerrej ikollu jerfa’ il-piż sħiħ tat-taxxi….Sitwazzjoni li kważi bilfors li tikkontribwixxi għal livell ġenerali ta’ inflazzjoni.

Sadanittant, il-Ġermanja ħalfet li mhix se tbaxxi rasha quddiem il-politika ekonomika ‘aggressiva’ ta’ Washington, fost l-insistenza li l-Ewropa għandha ‘twieġeb (għat-tariffi) b’mod sod u determinat’.

Din il-politika qed tkun riflessa wkoll fost l-ekonomiji l-oħra tad-dinja, bi Franza tirreferi għad-direttiva ta’ Trump bħala ‘aħbar ferm ħażina’ u bil-Kanada tisħaq ċar u tond li t-tariffi jridu jitqiesu f’termini ta’ ‘attakk dirett’ mill-Gvern tal-Istati Uniti.

Fl-istess ħin, iċ-Ċina akkużat lil Washington b’li qed jabbuża mir-regoli kummerċjali internazzjonali u meta, ‘il quddiem, mistennija forma oħra ta’ ritaljazzjoni min-naħa ta’ Beijing.

L-iżviluppi wasslu wkoll biex l-ishma fil-Borża ta’ Frankfurt li huma relatati mal-kumpanniji tal-karozzi – fosthom il-Porsche, il-Mercedes u l-BMW — naqsu sew fil-valur. L-istorja rrepetiet ruħha fil-każ tal-kumpannija General Motors u l-kumpannija Franċiża  Stellantis, li tipproduċi l-Jeep, il-Peugeot u l-Fiat.

F’dawn iċ-ċirkustanzi wkoll kien hemm ir-reazzjoni immedjata minn Brussell, fejn il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, esprimiet dispjaċir għad-deċiżjoni tal-Istati Uniti….Dan ukoll fost il-wiegħda li l-Unjoni Ewropea għandha tipproteġi lin-negozji u l-konsumaturi madwar il-kontinent.

‘It-tariffi huma taxxi li jimponu piż żejjed għan-negozji minbarra li jħallu wkoll impatt ħażin sinifikanti għall-konsumaturi tal-Ewropa u daqstant ieħor il-konsumaturi fl-Istati Uniti’ qalet Von der Leyen. Hi kompliet li l-Kummissjoni Ewropea għandha tevalwa l-impatt ta’ dawn it-tariffi flimkien mal-effetti potenzjali ta’ tariffi oħrajn li l-Istati Uniti qed tħejji biex tħabbar matul il-ġranet li jmiss.