Lokali Qorti

Il-ġuri dwar traffikar tad-droga riesaq lejn tmiemu: Borża bil-flus u mwieżen ma ġewx ittestjati għall-marki tas-swaba’

Il-ġuri dwar traffikar ta’ kważi 2,000 pillola ecstacy fl-2008 riesaq lejn tmiemu hekk kif il-prosekuzzjoni baqgħalha biss xhud wieħed xi tressaq hekk kif il-Ħamis filgħaxija għall-ħabta tal-5pm, se jsir l-aċċess fi Triq Fleur De Lys, Birkirkara fejn hemm il-Butterfly Bar. Il-ġuri beda nhar it-Tnejn fost ħafna battibekki mid-difiża minħabba li tnejn mill-akkużati ma ridux li l-ġuri jsir bil-ġurati.

U mix-xhieda ħareġ li borża sewda li fiha flus kontanti u mwieżen elettroniċi, allegatament misjuba fuq individwu li ġie arrestat eżatt qabel l-allegat ftehim ta’ droga, qatt ma ngħatat lill-esperti forensiċi għall-ittestjar tal-marki tas-swaba’, semgħet il-Qorti.

Il-borża s-sewda, li espert forensiku qal li ma kienx irċieva għall-eżaminazzjoni, kien fiha madwar €9,330 fi flus kontanti. Aktar tard ingħad lill-ġurati li ma nstabu l-ebda marki tas-swaba’ fuq borża tal-karti separata u basktijiet tal-plastik li kien fihom 1,940 pillola ecstasy.

Dan irriżulta fil-ġuri kontra Rio Micallef mill-Marsa, David Tabone min-Naxxar u Darren James Vella minn Birkirkara, li jinsabu akkużati b’diversi akkużi ta’ traffikar ta’ droga. L-espert forensiku u uffiċjal tal-pulizija Patrick Farrugia ddettalja l-metodi differenti użati biex jitneħħew il-marki tas-swaba’, u spjega li tipi differenti ta’ plastiks ġew ittestjati b’modi differenti.

Il-pilloli ecstasy irkuprati mill-uffiċjali tal-pulizija wara l-arresti f’Settembru 2008 instabu ġewwa boroż tal-plastik f’borża tal-karti. Il-basktijiet tbattlu u ngħataw lill-espert forensiku għall-ittestjar, li qal li ma sab l-ebda marki tas-swaba’ fuq l-oġġetti.

L-Avukat difensur Jacob Magri, li qed jassisti lil Tabone, f’kontroeżami lil Farrugia meta staqsih jekk kienx ikun jista’ janalizza s-sett ta’ mwieżen elettroniċi għall-marki tas-swaba’, qal mill-ewwel,: “Ma ngħatajtx din l-esebita”, qabel ma kkonferma li kien ikun jista’ jagħmel it-testijiet meħtieġa tal-marki tas-swaba’ kieku l-imwieżen intbagħtu fil-laboratorju għall-analiżi.

Meta saru mistoqsijiet mill-ġurati, l-espert spjega li r-rata ta’ suċċess tal-kisba tal-marki tas-swaba’ minn oġġett tiddependi minn ħafna varjabbli, inklużi t-temperatura, l-umdità u kif l-oġġett kien ġie mmaniġġjat.

Fis-sessjoni ta’ l-Erbgħa ta’ tard waranofsinhar staff differenti tal-Qorti ppruvaw jirranġaw ‘display screen’ tal-qorti biex jippermetti lill-eks surġent tal-pulizija Johan Micallef jixhed permezz ta’ videoconference. Tekniku mbagħad ġie msejjaħ lura biex jirranġa l-problemi tal-awdjo fejn wieħed biss mill-mikrofoni tal-qorti kien qed jaħdem.

Qabel ma l-ġurati ddaħħlu fl-awla, l-Imħallef Edwina Grima idderiġiet lil Micallef dwar dak li seta’ jixhed dwaru kif xi provi kienu ġew iddikjarati inammissibbli waqt l-istadju ta’ qabel il-ġuri. Meta fl-aħħar xehed Micallef, huwa qal lill-Qorti li l-pulizija kienet wettqet l-arresti wara ‘tip-off’ lill-assistent kummissarju ta’ dak iż-żmien Neil Harrison li kien irċieva mingħand sors.

Dakinhar tal-arresti, kuntistabbli informa lil Micallef li lemaħ lil Tabone isuq karozza. Il-kuntistabbli segwa lill-akkużat waqt li Micallef ivvjaġġa f’karozza separata, u żamm komunikazzjoni kostanti mal-kollega tiegħu.

Tabone qabad lil Vella u saq lejn il-Butterfly bar f’Birkirkara fejn sieħbu akkużat Rio Micallef kien qed jistenna f’karozza separata. Rio Micallef u Tabone saqu l-vetturi tagħhom lejn Triq il-Knisja l-Qadima f’Birkirkara u waqfu fid-daħla ta’ kumpless ta’ garaxxijiet.

L-arresti
Ix-xhud fakkar li Rio Micallef kien għarfu minkejja li dak iż-żmien ma kienx liebes uniformi. “Ħares f’għajnejja, tani ħarsa tajba u mbagħad beda jiġri,” qal l-eks surġent.

“Tellajt il-handbreak, ħriġt mill-karozza tiegħi, lanqas niftakar jekk għalaqtx il-bieba, u ġrejt warajh,” qal ix-xhud. “Għidtlu: ‘Rio, ieqaf… Rio, ieqaf, jew inkella jkolli nispara,’” qal Micallef, li żied li l-akkużat fl-aħħar waqaf meta hu u l-kuntistabbli li kienu qed isegwu lis-suspettati u ċċirkondawhom f’salib it-triq.

Fuq Rio Micallef instab mobile li ttieħed mill-uffiċjali. It-tlieta li huma mbagħad irritornaw fuq il-post fejn kienu ġew arrestati wkoll iż-żewġ suspettati l-oħra. Micallef tenna li dak iż-żmien il-kuntistabbli tal-pulizija Carmen Gauci, li ma ftakret xejn fuq il-każ minħabba ċirkustanzi personali, kienet tagħtu borża li Tabone kellu fil-pussess tiegħu fil-ħin tal-arrest tiegħu. Hija wrietu wkoll il-kontenut tal-borża – il-flus u s-sett ta’ mwieżen elettroniċi.

L-eks surġent qal li l-borża kienet ta’ kulur iswed bi ftit griż fuqha, u żied li hu reġa’ taha lil Gauci. Tagħtu wkoll mobile li kienet ħadet mingħand Tabone, li hu ta lura. Micallef ma kienx preżenti għall-arrest u t-tfittxija ta’ Tabone.

Ġewwa l-karozza ta’ Rio Micallef, l-eks surġent sab €395 fil-kartiera tas-suspettat u mobile ieħor. Qal li ma jiftakarx li ra lill-akkużat jarmi xi ħaġa, u żied li l-borża li kien fiha d-droga nġabret mill-forensika. L-avukati Godwin Cini, Danika Vella u Kevin Valletta qed imexxu l-prosekuzzjoni.

Għal David Tabone qed jidhru l-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri. L-avukati José Herrera u Alex Scerri Herrera qed jassistu lil Rio Micallef. L-avukati Matthew Xuereb u Michael Sciriha qed jidhru għal Darren James Vella.